“Għalhekk, nemmen li wasal il-mument li niġi għandkom bħala Prim Ministru, u nitlobkom il-fiduċja għall-ewwel mandat tiegħi mingħand il-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Nhar l-Erbgħa li ġej jagħlqu l-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela.
L-ewwel mandat ta’ Robert Abela, l-ewwel mandat mingħand il-poplu Malti u Għawdxi li tah l-akbar fiduċja fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Mill-bidu tal-kampanja li skattat il-Ħadd 20 ta’ Frar dehru ċari l-prijoritajiet tal-Partit Laburista biex ikompli jmexxi lil dan il-pajjiż.
Wegħdiet ċari, costed, u studjati bir-reqqa.
Fi sfond ta’ dinja li bdiet ħierġa mill-pandemija iżda fuq l-għatba tal-Ewropa faqqgħet gwerra li toħloq l-impatti.
F’kuntest ta’ Gvern li jagħraf ir-realtajiet, il-Prim Ministru Robert Abela mill-ewwel ta sinjal ċar; li l-wegħdiet qegħdin hemm biex jitwettqu, il-programm elettorali ‘Malta Flimkien’ qiegħed hemm biex isir programm ta’ ħidma ta’ Gvern ġdid u l-proposti huma hemm biex jiġu implimentati.
Fl-ewwel mitt jum tal-ewwel mandat popolari ta’ Robert Abela, il-wegħdiet li saru biex jitwettqu fl-ewwel mitt jum, saru wkoll.
Il-Partit Laburista ressaq tliet wegħdiet ewlenin, b’impenn ċar li dawn isiru fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid.
Il-liġi li tittratta l-femiċidju fil-kodiċi kriminali għaddiet mill-Parlament f’inqas minn mitt jum mill-bidu ta’ din il-leġislatura.
Il-bidliet fil-liġi tal-IVF li biha aktar persuni jistgħu jsiru ġenituri f’pajjiżna stess permezz fost oħrajn taż-żieda fiċ-ċikli mingħajr ħlas, issa qed isiru iżjed qrib ir-realtà.
Dan billi l-liġi l-ġdida mhux biss sempliċiment tressqet fil-Parlament iżda għaddiet kważi mill-istadji kollha Parlamentari.
Dan apparti li t-tielet wegħda f’inqas mitt jum ukoll bdiet issir billi kif wiegħed il-Prim Ministru, art verġni fiż-Żonqor u fil-Kottonera se terġa’ tingħata lura lin-nies.
Dawn it-tlieta kienu lkoll wegħdiet b’għan li kellhom isiru fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid u li lkoll twettqu.
Fl-ewwel mitt jum ta’ Robert Abela mill-ġdid bħala Prim Ministru ta’ Malta, l-isfidi ma naqsux.
L-inflazzjoni, jew aħjar l-għoli tal-ħajja, hija realtà ta’ materja li l-Prim Ministru baqa’ jitkellem dwarha, iżda mhux biss.
Fi ħsiebu u f’kull deċiżjoni li ħa anki fl-ewwel mitt jum mill-ewwel mandat tiegħu, Robert Abela ħa d-deċiżjonijiet u l-interventi li naqqsu l-impatti.
Fost oħrajn żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil u ntlaħqu ftehimiet mal-importaturi tal-qmuħ u anki oħrajn li minnhom gawdew il-bdiewa u r-raħħala, bħal fuq il-ġwież.
Deċiżjonijiet li forsi ma kinux faċli iżda li komplew jistimulaw fiduċja fl-ekonomija li qed tkompli tikber u tipprospera.