L-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Casa u Peter Agius ma jridux li jkun hemm dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-ġenoċidju fil-Medda ta’ Gaza. Dan wara li, waqt il-plenarja fi Strasburgu, fl-aħħar jiem ivvotaw kontra mozzjoni mill-grupp tal-Partiti tax-Xellug, li ppropona diskussjoni immedjata f’dan ir-rigward.
Mindu bdiet din il-gwerra f’Ottubru tal-2023, eluf, fil-maġġoranza nisa u tfal innoċenti, inqatlu f’Gaza mill-forzi militari Iżraeljani, li kontinwament ibbombardjaw ir-reġjun ikkontrollat mill-Hamas wara li aktar qabel dan tal-aħħar invada parti mit-territorju Lhudi fejn qatel u ħataf diversi persuni.
Anke l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f’The Hague ddikjarat fl-aħħar jiem li dak li qed iwettaq Iżrael f’Gaza hu deplorabbli u l-okkupazzjoni minnu ta’ territorji Palestinjani hu illegali.
Iżda quddiem dan kollu, Casa u Agius esprimew l-indifferenza tagħhom, flimkien ma’ numru ta’ deputati minn pajjiżi oħrajn, li lkoll ġew esposti mill-grupp politiku fuq il-midja soċjali.
Fil-fatt, il-grupp xellugi ppubblika l-ismijiet kollha tal-Membri Parlamentari Ewropej li vvotaw kontra li l-Unjoni Ewropea tiddiskuti dak li qiegħed iseħħ f’Gaza. Il-lista turi lil Casa u Agius bħala l-uniċi MEPs Maltin li vvotaw kontra l-mozzjoni.
Waqt li Roberta Metsola ma tistax tipparteċipa f’votazzjonijiet bħal dawn, minħabba r-rwol tagħha ta’ President tal-Parlament Ewropew, ta’ min ifakkar il-kritika internazzjonali li din laqqtet fl-aħħar xhur. Dan wara li, minn jeddha u bla approvazzjoni, żaret Iżrael, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, eżatt wara l-attakk tal-Hamas u tat l-appoġġ tagħha lill-forzi Iżraeliti, qabel dak li rriżulta fl-agħar massakru fir-reġjun f’għexieren ta’ snin.
Metsola u Von der Leyen it-tnejn kienu akkużati li għandhom id-demm tal-innoċenti fuq idejhom fi protesti internazzjonali li seħħew, inkluż f’pajjiżna stess.