Fil-binja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu kien hawn sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba mill-midja mal-membri Parlamentari Ewropej lokali. Għal din is-sessjoni attendew l-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Thomas Bajada, filwaqt li min-naħa tal-Partit Nazzjonalista kien hawn Peter Agius. Il-midja staqsiet dwar diversi temi, fosthom kif se tkun il-ħidma tad-deputati fil-ħames snin li ġejjin u anke dwar il-votazzjoni għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew, fejn intagħżlet Roberta Metsola.
Min-naħa tiegħu, il-Viċi President fi ħdan il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, spjega li hu iddeċieda li jastjeni milli jivvota f’din l-elezzjoni għall-fatt li hu jimxi b’konsistenza ma’ dak li dejjem qal tul il-kampanja elettorali li għaddiet.
Żied jgħid li hu ma setax jagħti s-sapport tiegħu lil Metsola fuq numru ta’ prinċipi li għalih huma importanti wisq fejn, fost l-oħrajn, semma l-appoġġ inkundizzjonat lil Iżrael li wassal għall-ġenoċidju f’Gaza. Hawn spjega li, fuq dan il-każ, li qed iħalli għexieren ta’ nies, l-aktar tfal mejta, Metsola qatt ma talbet għal waqfien mill-ġlied.
Agius Saliba qal li Metsola naqset milli tindirizza kwistjonijiet relatati mal-użu tal-lingwa Maltija fil-kumitati tal-Parlament Ewropew.
Qal, “Jien, bħala Malti għandi dritt inqas minn Spanjol, Franċiż, Ġermaniż, u ma nistax nuża l-lingwa ta’ pajjiżi, lingwa uffiċjali Ewropea, fil-kumitat ta’ xogħol, fil-kumitat tal-affarjiet soċjali, m’għandix dritt. Għaliex? Għax il-Parlament Ewropew u l-Bureau tal-Parlament Ewropew, immexxi mill-President Roberta Metsola, ftit tax-xhur ilu għażel li din id-deroga jerġa’ jġeddidha.”
Irrefera wkoll għal riżoluzzjoni li ġiet approvata l-Erbgħa filgħodu fil-Parlament Ewropew li tara li titneħħa l-eżenzjoni li kienet illimitat l-użu tal-armi Ewropej fuq miri militari fir-Russja.
Hawn sostna li l-Partit Laburista kien ilu jitkellem dwar dan, tant li d-delegazzjoni Laburista vvotat kontra dan kollu, waqt li stqarr li jkun interessanti jkun magħruf kif ivvotaw fuqha l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.
Sadanittant qal ukoll li qatt ma seta’ jivvota lill-kandidata Spanjola tax-xellug li kkontestat lil Metsola, Irene Montero, għax din kienet qed tikkontesta kontra kandidata Maltija.
Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Thomas Bajada qal li hu vvota favur Roberta Metsola, għax hi Maltija bħalu. Kompla li meta l-Maltin joħorġu għal karigi importanti għandna ngħinuhom biex nitfgħu lil pajjiżna fil-quċċata fuq livell Ewropew.
Minkejja dan, Bajada xorta qal li ma jaqbilx ma’ Metsola fuq diversi affarjiet. Fil-fatt għalaq il-messaġġ tiegħu b’dan l-appell.
Qal, “Lil Roberta nappellalha biex tippromwovi l-interessi speċifiċi ta’ pajjiżna. Aħna, li aħna differenti mill-oħrajn, aħna li għandna realtajiet differenti u nixtieq nara li Roberta, f’kull mument, fi ħsibijietha u f’għemilha, tpoġġi r-realtajiet tagħna fuq quddiem nett.”
ONE News staqsa wkoll lill-Membru Parlamentari Laburista Daniel Attard dwar ir-raġuni li astjena mill-votazzjoni għall-President tal-Parlament Ewropew.
Attard spjega li hu għamel dan biex jimxi mal-prinċipi li jħaddan, fejn sotna li hu xorta miftuħ biex jaħdem ma’ Metsola ħalli r-realtajiet ta’ pajjiżna jkunu ppreżentati bl-aqwa mod fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Qal, “Ħassejt li kelli nastjeni biex nkun konsistenti ma’ dak li għedt tul il-kampanja. Kienet tkun sorpriża li kieku għamilt mod ieħor, li tajt il-kelma lill-elettorat li fdani biex nirrappreżentah. Jien għalija din id-deċiżjoni kienet l-aqwa mod li nirrappreżenta lin-nies li eleġġewni.”