Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant kien ċar fir-reazzjoni tiegħu, hekk kif stqarr li, minkejja l-pompa li dan id-diskors kien fih, jeħtieġ aktar minn hekk biex jiġu riżolti inċertezzi li qed jinħassu fost il-popli fl-Unjoni Ewropea.
“M’inix konvint li kien daqshekk importanti, għax kien messaġġ tajjeb, imma ma fetaħ l-ebda perspettiva ġdida u bilfors għax din il-Kummissjoni, li wasslet biex tagħlaq it-terminu tagħha, għandha numru ta’ Kummissarji importanti neqsin minnha u allura pprovat Von der Leyen, tvara ċerta rankatura. Ir-rankatura tagħha, għalkemm kienet meħuda tajjeb, ma naħsibx personalment li se tkun biżżejjed biex tikkalma l-inċertezzi li qed iħossu ħafna Ewropej.”
MEP Alfred SantREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Sentiment simili kien espress mill-Ewroparlamentari u Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Alex Agius Saliba, li wkoll ikkritika diversi aspetti tad-diskors li għamlet Von der Leyen. Saliba, fost l-oħrajn, innota n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni rigward ħidmiet li hu wettaq fil-Parlament b’rabta mal-qasam diġitali.
“Konna ambizzjużi sa ċertu punt fuq numru ta’ leġiżlazzjonijiet, però nistgħu nagħmlu ħafna u ħafna aktar. Illum ma smajna xejn, pereżempju, fuq ir-Right to Disconnect proposta li issa ilni aktar minn tliet snin li mexxejtha quddiem il-Parlament Ewropew u ġiet approvata bħala leġiżlazzjoni u għadna qed nistennew lill-Kummissjoni Ewropea toħroġ bil-proposta tagħha, ibbażata fuq dak li diġà approvajna. Ma smajna xejn tanġibbli fuq il-problema tal-immigrazzjoni irregolari u s-soluzzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar qed jistennew iċ-ċittadini tagħna.”
MEP Alex Agius Saliba
Il-Membru Parlamentari Josianne Cutajar innotat id-diversi temi li misset il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Dan filwaqt li saħqet kif, b’rabta man-nuqqas ta’ ħaddiema biżżejjed għall-opportunitajiet ta’ xogħol, b’mod partikolari f’oqsma bħall-ospitalità u l-kura, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tadotta aktar miżuri tanġibbli.
“Imma jiena rrid nara aktar azzjoni tanġibbli f’dan ir-rigward. Għax il-ħaddiema tagħna rridu ngħinuhom biex ma jibqgħux lura fil-qalbiet ambjentali u diġitali li rridu nagħmlu. Kif irridu ngħinu lin-negozji żgħar u medji tagħna li anki rajna tħabbira prattika li anki ħa jkun hemm rappreżentant, envoy, li jressaq ’il quddiem l-isfidi li jkunu qed jiffaċċjaw. Imma kemm ħadt gost ukoll li rrikonoxxiet ir-rwol tal-bdiewa tagħna, il-bdiewa li tant ibatu minħabba l-elementi tan-natura.”
MEP Josianne Cutajar
F’dan ir-rigward, Von der Leyen saħqet dwar aktar appoġġ lill-industrija tal-agrikoltura imsejsa fuq is-salvagwardji għall-provvista tal-ikel u l-għajxien tal-bdiewa nfushom.
Fl-aħħarnett, tal-istess fehema kien ukoll il-Membru Parlamentari Laburista Cyrus Engerer, li wkoll silet minn aspetti b’saħħithom tad-diskors, iżda ma naqasx milli jinnota n-nuqqasijiet tiegħu. Dan minbarra differenzi bejn il-Partit Nazzjonalista u l-grupp politiku li jagħmel parti minnu fil-Parlament Ewropew.
“Kien diskors b’saħħtu fejn jidħol l-ambjent, il-protezzjoni tan-natura u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li hi daqsxejn ironija, għax il-Parit tan-Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew, il-Partit ta’ Von der Leyen stess, kontinwament jivvota kontra dawn il-liġijiet u jipprova jdgħajjifhom. Però, imbagħad, stennejt li se jkollna diskors li jkun aktar soċjali, speċjalment fi żminijiet li qegħdin ngħixu fihom illum diffiċli ħafna bl-inflazzjoni qawwija li għandna madwar l-Unjoni Ewropea kollha.”
MEP Cyrus Engerer
Engerer appella biex l-Ewropa tkun dejjem aktar effettiva b’risq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej kollha, inkluż il-Maltin u Għawdxin.