L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar b’diskors favur aktar ħidma b’risq il-gżejjer fl-Unjoni Ewropea.
Dan il-messaġġ għamlitu fil-plenarja waqt dibattitu li fost l-oħrajn ġie diskuss sett ta’ liġijiet ambjentali magħrufa bħala Fit for 55.
Hija nnutat il-miri ambizzjużi ta’ dawn il-liġijiet ambjentali filwaqt li rrimarkat kif trid tingħata iktar attenzjoni lil gżejjer biex jimplimentaw il-liġijiet b’suċċess.
Għalhekk hu essenzjali li l-Unjoni Ewropea tidħol f’Patt mal-Gżejjer tagħha u taddotta strateġija b’saħħitha li tinkludi assessjar speċifiku dwar l-impatt li proposti u liġijiet li jitressqu ikunu se jħallu fuq il-gżejjer u ċ-ċittadini li ġejjin minnhom.
Dawn il-punti jagħmlu parti mir-rapport dwar il-gżejjer u l-politka ta’ koeżjoni li Cutajar innegozzjat f’isem il-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u li ġie approvat b’vot b’saħħtu mill-plenarja.
Bħala parti minn din il-ħidma, Cutajar iltaqgħet wkoll ma’ rappreżentanti ta’ reġjuni ta’ gżejjer Ewropej diversi li kienu mistiedna jattendu l-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Hija laqgħet b’sodisfazzjon il-vot mill-plenarja li wera’ l-importanza li għandha tingħata lil gżejjer.
Cutajar saħqet kif dan huwa punt ta’ ġustizzja soċjali favur iċ-ċittadini li jgħixu fil-gżejjer fi ħdan l-Unjoni Ewropea.