L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard ġie fdat bil-kariga ta’ Viċi President ta’ delegazzjoni importanti tal-Parlament Ewropew għall-Iran, b’mod speċjali fil-kuntest tal-inkwiet ġeopolitiku u l-eskalazzjoni tal-vjolenza li hemm fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Sa mill-bidu tal-mandat tiegħu fil-Parlament Ewropew, Daniel Attard kien voċiferu u konsistenti fir-rigward tal-konflitt fil-Lvant Nofsani, waqt li wkoll kien kritiku lejn ċerti għażliet tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, f’dan ir-rigward.
L-Iran hu meqjus bħala attur ewlieni fil-konflitt u, għalhekk, din id-delegazzjoni Ewropea għandha sehem importanti għaż-żamma ta’ djalogu diplomatiku, l-isforzi kollettivi għall-waqfien mill-ġlied u għal soluzzjonijiet umanitarji. Dan flimkien ma’ prijoritajiet oħrajn, bħat-tisħiħ u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.
B’din il-kariga, li għaliha kiseb l-appoġġ unanimu ta’ deputati oħrajn minn firxa ta’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, Daniel Attard se jkompli jaħdem favur il-waqfien mill-ġlied u l-paċi fir-reġjun, kruċjali għall-paċi u l-istabbiltà fil-kumplament tad-dinja.
Ir-rwol ta’ Dr Attard imur ukoll id f’id mal-pożizzjoni u mal-isforzi tal-Gvern Malti favur soluzzjoni ta’ żewġ stati u paċi dejjiemi fil-Lvant Nofsani.