L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar ġiet deskritta bħala d-difensura ta’ Malta u tal-gżejjer Ewropej miċ-Ċerpersin tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew, Younous Omarjee, fl-aħħar sessjoni ta’ laqgħat tal-kumitat f’dan il-mandat.
F’din is-sessjoni, Cutajar enfasizzat dwar l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ Malta tal-fondi Ewropej f’diversi oqsma bħat-trasport, l-enerġija, il-kura tas-saħħa, il-kultura u l-ambjent.
Waqt li enfasizzat li l-kapital uman hu l-aqwa investiment għal Malta, l-Ewroparlamentari Laburista aċċennat dwar l-importanza, b’mod partikolari, tal-investiment fl-edukazzjoni u l-infrastruttura.
Appellat għal implimentazzjoni effettiva għal koeżjoni biex tkun żgurata l-ġustizzja għall-gżejjer fl-Ewropa, b’attenzjoni speċjali għal dawk żvantaġġjati bħall-gżejjer Maltin.
Cutajar saħqet li dawn il-passi huma kruċjali biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-opportunitajiet għal kulħadd.