Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-Ewroparlamentari għandhom ikunu eletti direttament miċ-ċittadini u mhux minn listi tal-partiti, la nazzjonali u wisq anqas transnazzjonali. Dr Sant qal dan waqt dibattitu dwar il-format tal-Parlament Ewropew fil-Plenarja ta’ Strasburgu. Il-Parlament Ewropew ivvota favur mozzjoni li tgħid li l-Parlament Ewropew għandu jiċkien minn 751 MPE and 705 MPE meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, waqt li s-siġġijiet li jonqsu jitqassmu fost il-pajjiżi ġodda li jidħlu fl-UE.
Dr Sant ivvota favur il-proposta tal-allokazzjonijiet tas-siġġijiet, basta l-ebda stat membru ma jitlef is-siġġijiet li għandu. Dr Sant, imma, bħal maġġoranza kbira tal-Parlament, ivvota kontra l-ħolqien ta’ lista transnazzjonali.
Ir-rapport ġie approvat b’431 vot favur, 182 kontra u 61 astensjoni.
“Il-ħolqien ta’ kostitwenza transnazzjonali ikollha effett negattiv. Tkompli tbiegħed il-perċezzjoni li l-Parlament Ewropew huwa maqtugħ mit-tħassib taċ-ċittadini, speċjalment fi stati membri żgħar. Li tkun mitlub tivvota għal nies li ma tafx fuq listi tal-partiti tinħass bħala gimmick. Jekk l-Ewroparlamentari jkunu magħżula mill-mexxejja politiċi, dawn ikunu leali lejn il-mexxejja tagħhom u jkompli jikber id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-Ewroparlamentari eletti.”
Dr Sant qal li llum iċ-ċittadini Ewropej ma jħossuhomx impenjati lejn il-Parlament Ewropew. Illum il-Parlament Ewropew jinħass maqtugħ miċ-ċittadini. Il-Parteċipazzjoni fl-aħħar tliet elezzjonijiet waqgħet għal 43%.
Fl-isfond tal-BREXIT u l-possibilita` ta’ tkabbir ġdid tal-UE, il-proposta li tinżamm l-allokazzjoni ta’ siġġijiet fuq livell nazzjonali hija ħaġa tajba, qal Dr Sant.
Il-proposta tal-Parlament Ewropew issa tmur quddiem il-Kunsill Ewropew li jadotta deċiżjoni li terġa’ tkun diskussa u approvata fil-Parlament Ewropew.