L-Ewro Parlamentari u l-Viċi President tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba akkuża lil Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew (PE), b’ipokrezija ċara u ‘double standards’ fir-rigward tas-silenzju totali li wriet lejn dak li għamel il-Gvern Konservattiv Grieg.
Dan wara li l-Gvern Grieg Konservattiv li jaghmel parti mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) fixkel iż-żjara tal-Ewro Parlamentari tal-Kumitat Parlamentari dwar id-Drittijiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni biex jaraw f’liema stat qiegħda l-governanza, s-saltna tad-dritt fil-Ġreċja u l-iskandlu tat-‘wiretapping’. Barra minn hekk il-Gvern Grieg ikkanċella kull laqgħa li kellu mal-Ewro Parlamentari, filwaqt li uża l-iskuża tat-traġedja li seħħet il-Greċja nhar it-28 ta’ Frar 2023.
Waqt iż-żjara tiegħu fil-Greċja aktar kmieni din il-ġimgħa mal-Ewro Parlamentari, Alex Agius Saliba sħhaq bis-sħiħ li Roberta Metsola u l-Parlament Ewropew baqa’ sieket u ma kkundannax il-fatt li l-Istituzzjonijiet Griegi u l-awtoritajiet għażlu li ma jiltaqgħux mal-Membri Ewro Parlamentari fir-rigward tas-suġġetti serji dwar il-governanza u s-saltna tad-dritt fil-Greċja.
L-Ewro Parlamentari żied ukoll li hu talab lill-Grupp tas-Soċjalisti Ewropew biex il-ġimgħa d-dieħla titressaq riżoluzzjoni li tikkundanna lil Gvern Grieg u s-silenzju ta’ Metsola f’dan ir-rigward.
Alex Agius Saliba enfasizza li dak li japplika għal Malta jgħodd ukoll għal kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Fakkar li l-PPE kien saħaq bis-sħiħ li l-Ewro Parlamentari jiltagħu mar-rappreżentanti tal-Gvern Malti meta kienu ġew biex jinvestigaw is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Madankollu, l-istess Partit mhux qed jagħmel l-istess fir-rigward tal-Gvern Konservattiv Grieg.
L-Ewro Parlamentari għalaq li l-PPE mhux talli baqa’ sieket fuq il-każ tal-Gvern Grieg, imma pprova jressaq riżoluzzjoni fuq Malta u l-kwistjoni tal-isptarijiet biex ineħħu l-attenzjoni fuq is-silenzju u l-ipokrezija li ġiet manifestata f’dan il-każ tal-Greċja.
Dan kollu beda wara li nhar it-Tnejn 6 ta’ Marzu, il-Partit Popolari Ewropew (PPE) ħabbar li mhux se jieħu sehem fiż-żjara li kellha ssir fil-Greċja biex tkun eżaminata fil-qrib is-sitwazzjoni tat-tmexxija fil-Greċja. Min-naħa l-oħra kull partit Ewropew ħa sehem f’din il-missjoni.