Alfred Sant qal illum li l-Ewropa trid tiżgura li l-Libja ma ssirx bejta tat-terroriżmu f’intervent li għamel dwar is-sitazzjoni fil-Libja fil-Parlament Ewropew. L-Ewropej għandhom id-dmir li juru kif l-akbar interess tagħhom fil-Libja hu l-ġid tal-poplu Libjan. Mhux iż-żejt. Mhux min se jikkontrolla d-daħla lejn ir-riżorsi minerali tal-Afrika Ċentrali.
“L-ewwel irridu naqblu fuq l-essenzjali. Għall-Ewropa, l-essenzjali għandu jkun li l-Libja ma tispiċċax bejta għat-terroriżmu.”
Il-poplu Libjan għandu bżonn l-istabbiltà. Minnha, xi darba, tard jew kmieni, forsi se jinbtu l-paċi u d-demokrazija. Mingħajr l-istabbiltà xejn minn dan ma jista’ jiġri.
M’għandniex naħdmu biex fil-Libja, malajr kemm jista’ jkun, jitwaqqaf reġim li jogħġobna għal raġuni jew oħra. L-indħil barrani fit-tmexxija tal-Libja wassal għall-qagħda ta’ anarkija li teżisti bħalissa.
“F’dan, l-Ewropej iġorru responsabbiltà kbira. Għandna ngħinu, iva, f’kull sforz ta’ rieda tajba li jsir biex il-forzi kollha fil-Libja li jirrappreżentaw interessi ġenwini jkunu mismugħa u mogħtija saħħa. Imma f’dal-proċess, ma nistgħux nibqgħu naqblu mal-paraliżi eżistenti f’kif il-poplu Libjan jista’ jipproċedi biex iwaqqaf istituzzjonijiet nazzjonali.”
L-appoġġ tagħna għandu jingħata lil dawk il-forzi li lesti f’għaqda bejniethom irażżnu l-anarkija preżenti, jipprovdu sigurtà lill-poplu Libjan u jressqu lill-pajjiż lejn l-istabbiltà essenzjali biex is-soċjetà Libjana tkun tista’ tiffunzjona b’mod normali, qal Alfred Sant.
Tista’ ssegwi l-intervent ta’ Alfred Sant fuq din il-link: