Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li l-Ewropa trid tindirizza l-bżonnijiet soċjali taż-żgħażagħ Ewropej u tindirizza d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom biex dawn ikollhom fiduċja fil-proġett Ewropew. Dr Sant kien qed jitkellem waqt attivita` organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta bl-isem ta’ ‘L-Ewropa Fis-Suq mal-MPE Maltin’, fis-Suq tal-Belt Valletta.
Dr Sant qal li filwaqt li għadd ta’ żgħażagħ igawdu minn proġetti mfassla apposta għalihom mill-Ewropa bħal Erasmus+, li huma tajbin u pożittivi, ma rridux ninsew lil dawk li qed jaraw il-qagħda soċjali tagħhom sejra lura.
“Rapport tal-Kummissjoni Ewropea stess jiżvela d-dwejjaq bil-ħajja tax-xogħol u kundizzjonijiet degradanti tax-xogħol fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Ħafna żgħażagħ Ewropej qed isibuha diffiċli jsibu xogħol ta’ kwalita`. In-nuqqas ta’ sigurta`, il-prekarjat u l-mod kif isir l-ingaġġ tal-ħaddiema f’ċertu setturi bħal fil-qasam diġitali huma sinjali li jindikaw li s-suq tax-xogħol fl-Ewropa mhux regolat tajjeb.”
Dr Sant emfasizza kemm l-Unjoni Ewropea teħtieġ l-għodod biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet.
“Għalkemm l-Unjoni Ewropea qed titmexxa b’fini tajba, trid tikkonsidra aktar lil dawk li jġorru il-piżijiet minħabba d-deċiżjonijiet li tieħu. U min qed iġorrhom dawn il-piżijiet? Qed iġorruhom in-nies, dawk iż-żgħażagħ, ħaddiema u penzjonanti u dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjeta`. Il-mekkaniżmi li qed jintużaw fil-proġett Ewropew awtomatikament qed jaħdmu b’dan il-mod. Dawn id-dilemmi jridu jiġu indirizzati u ma jistgħux jibqgħu injorati.”
Dr Sant qal li l-istrutturi li nbdew biex joħolqu suq wieħed Ewropew tefgħu l-piżijiet fuq faxex sħaħ tal-popolazzjoni li qed jiġu darhom mal-ħajt u qed iduru kontra l-proġett Ewropew u jsiru solidali mal-partiti populisti.
“U din hija xi ħaġa li l-Ewropa għadha mhix tiffaċċjaha.” qal Dr Sant.