L-Ewropa ma tridx tingħalaq fiha nnifisha, iżda trid tidħol f’territorji fejn sal-lum iċ-ċittadini jħossuhom abbandunati. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt djalogu maċ-ċittadini f’Ruma, lejlet li l-Unjoni Ewropea tiċċelebra s-sittin anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentata Għolja tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin, Federica Mogerhini, li flimkien tkellmu dwar il-futur tal-Ewropa ma’ diversi żgħażagħ u studenti, ħafna minnhom pparteċipaw fil-programm edukattiv Erasmus li qed ifakkar it-30 anniversarju tiegħu.
Dr Muscat qal li djalogi bħal dawn għandhom isiru wkoll ma’ nies li qatt m’għamlu programmi edukattivi, nies li s-sitwazzjoni tagħhom lanqas tippermettilhom li jkunu jafu x’inhu l-Erasmus. “Huwa b’dan il-mod li l-Ewropa tista’ tinfetaħ u l-proġett rEUnion jagħti tama u skop,” qal il-Prim Ministru.
Semma kif l-Ewropea trid tagħmel għażla jekk tridx timxi ’l quddiem, jew tridx tibqa’ fejn hi. L-għażla li tagħmel sens hija li d-diskussjoni tkun fuq id-direzzjoni ta’ fejn se nimxu ’l quddiem. “Mhux niftakru biss fil-partijiet it-tajbin tal-Unjoni Ewropea imma anke niddefenixxu mill-ġdid lill-Ewropa bi proġett ambizzjuż. Imbagħad ikun dover tagħna li nimxu ’l quddiem b’dan il-proġett,” qal il-Prim Ministru.
L-attakk li seħħ f’Londra jumejn ilu, u r-reazzjoni Ewropea u globali għalih, turi li ma jistax ikun hemm ‘Brexit’ tas-solidarjetà. “Kull mhu se jkun qed jiġri fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej fix-xhur u s-snin li ġejjin irid jibni fuq l-għaqda tal-Unjoni. Il-proġett Ewropew huwa ikbar minn kull ftehim li jista jiġi ffirmat,” temm jgħid Dr Muscat.
Ir-Rappreżentata Għolja tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini faħħret ix-xogħol siewi li qed isir minn Malta fis-sitt xhur li pajjiżna għandu f’idejh it-tmexxija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Qalet li filwaqt li rridu nkunu kburin li l-Ewropa hija waħda mill-partijiet fid-dinja fejn kisbet ħafna suċċessi, issa għandna bżonn proġett ta’ paċi li jagħti sens ta’ direzzjoni.
Ritratt: Clifton Fenech – DOI