Roberta Metsola qalet li l-Ewropa għandha ssaħħaħ l-armamenti tagħha u tkun lesta għal li jinqala’.
Is-sit awtorevoli Politico kwota dikjarazzjonijiet ta’ Metsola fejn qalet li l-Parlament Ewropew għandu jkompli jimbotta xiri konġunt u żvilupp ta’ armi li jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
“L-Ewropa trid tonfoq iżjed fuq difiża u din il-forza Ewropea armata ma għandhiex tikkompeti man-NATO iżda tikkumplimenta l-qawwiet tan-NATO”, qalet il-President tal-Parlament Ewropew u l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalista.
Politico nnota kif dan ingħad wara kummenti ta’ Trump dwar in-NATO u wara li ħabib ta’ Metsola u Simon Busuttil, Manfred Weber kien appella biex l-Ewropa tħejji bl-armi nukleari kontra r-Russja.
Weber huwa l-Kap tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew, il-grupp politiku ta’ Metsola u li fih imsieħeb il-partit ta’ Bernard Grech.
Metsola kompliet timbotta favur l-armamenti mill-Ewropa u saħqet li l-Ewropa trid tkun lesta u armata anki mingħajr l-appoġġ tal-Istati Uniti.