Il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana biex tipprojbixxi l-ivjaġġar mhux essenzzjali fiż-żona Schengen u dan wara li aktar pajjiżi qed jagħlqu l-fruntieri bil-għan li jillimitaw it-tixrid tal-Coronavirus. Din il-miżura tibqa’ fis-seħħ għat-30 jum li ġej.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, qalet li se titlob lill-mexxejja Ewropej biex jimplimentaw din il-miżura llum. Hija qalet li inqas ma jsir vjaġġar, ikun hemm inqas tixrid tal-virus. Von der Leyen qalet illi diplomatiċi, qraba taċ-ċittadini Ewropej, ħaddiema li ta’ kuljum jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor għax-xogħol, ħaddiema tas-saħħa u dawk li jġorru l-merkanzija se jkunu eżentati minn din il-miżura.
It-Tnejn, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, ħabbar li Franza se tagħlaq il-fruntieri kollha.