It-tisħiħ tas-sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiżi Ewropej kien it-tema ewlenija ta’ laqgħa għolja dwar in-netwerks tal-enerġija Ewopej li saret fil-jiem li għaddew fi Brussell.
F’din il-laqgħa, li saret bis-sehem tal-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, Kadri Simson, u diversi assoċjazzjonijiet tal-enerġija, fosthom l-International Energy Agency, ħareġ ċar li l-Ewropa qed tiffaċċja diversi sfidi fis-sistemi tad-distribuzzjoni tagħha.
Dawn is-sistemi, li jinkludu cables, substations u tagħmir ieħor, jeħtieġ jiġu msaħħa biex il-pajjiżi membri jkunu jistgħu jżidu l-investiment fl-enerġija nadifa, bħall-enerġija mix-xemx u r-riħ, u b’hekk jilħqu l-mira Ewropea li jiġu eliminati sorsi ta’ enerġija minn fuels fossili, li jniġġsu l-iżjed.
Dwar dan, Malta diġà tinsab pass jew tnejn fuq quddiem.
Fost oħrajn, Wind Europe, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta s-settur tal-enerġija mir-riħ, qed issostni li, biex l-Ewropa tilħaq il-miri tal-enerġija rinnovabbli għas-snin li ġejjin, teħtieġ tħaffef l-investiment fis-sistemi tad-distribuzzjoni.
Dan sostnietu ukoll Eurelectric, l-għaqda li tirrappreżenta l-kumpaniji tal-elettriku fl-Ewropa, fejn qalet li l-investiment fit-tisħiħ u t-tkabbir tas-sistemi tad-distribuzzjoni għandu jsir il-prijorità ewlenija tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi membri tagħha.
Din ukoll spjegat li, jekk ma jsirx hekk, il-pajjiżi Ewropej se jkollhom diffikultajiet kbar biex jinvestu f’aktar sistemi t’enerġija rinnovabbli u f’aktar sistemi li jaħdmu bl-elettriku, fosthom il-karozzi elettriċi, bħala parti mill-pjan għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Fid-dawl ta’ dawn l-istqarrijiet Ewropej, toħroġ biċ-ċar l-importanza tal-pjan fit-tul li qed iwettaq il-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, b’diversi investimenti multi-miljunarji għat-tisħiħ fid-distribuzzjoni u l-ġenerazzjoni tal-elettriku.
F’Lulju li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, ħabbru li pajjiżna se jirdoppja l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku, biex tkun tista’ tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-futur, fosthom aktar sistemi ta’ enerġija nadifa, kif ukoll biex ikollha r-reżiljenza meħtieġa għat-temp estrem, li qed jikkawża t-tibdil fil-klima.
Dan b’investiment ta’ €160 miljun f’diversi proġetti.
Fost dawn l-investimenti, l-Enemalta ħaffet il-pjan tagħha biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni li twassal l-elettriku fid-djar u n-negozji f’Malta u Għawdex.
Dan il-pjan jinkludi l-bini ta’ erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda, mijiet ta’ substations ġodda, kilometri ta’ cables ġodda taħt l-art u installazzjonijiet oħrajn f’kull lokalità.
B’hekk is-sistema tad-distribuzzjoni se tkun imħejjija għall-ħtiġijiet tas-snin li ġejjin, kif qed jappellaw issa fl-Ewropa.
L-appelli jinkludu wkoll biex il-pajjiżi Ewropej iħejju għall-isfidi ta’ dik li tissejjaħ l-intermittenza tas-sistemi tal-enerġija rinnovabbli, jiġifieri li jkollhom biżżejjed kapaċità ta’ riserva għal meta s-sistemi ta’ enerġija rinnovabbli ma jkunux qed jiġġeneraw l-elettriku.
Hawnhekk ukoll il-Gvern Malti qed juri li qed jippjana u jinvesti bil-quddiem permezz ta’ diversi proġetti, fosthom il-proġett tat-tieni Interconnector bejn Malta u l-Italja.
Proġett importanti ieħor f’dan ir-rigward huwa dak tas-sistemi ta’ ħażna t’enerġija b’batteriji kbar li tħabbar fix-xhur li għaddew mill-kumpanija tal-Gvern Interconnect Malta.
Fil-jiem li għaddew, il-Ministru Miriam Dalli ħabbret ukoll konsultazzjoni pubblika li se twitti t-triq biex pajjiżna jixpruna investimenti privati kbar fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli floating offshore. B’hekk, minkejja d-daqs żgħir ta’ Malta, xorta waħda jkollna biżżejjed enerġija nadifa biex nilħqu l-miri ta’ kontra t-tibdil fil-klima fis-snin li ġejjin.
B’hekk pajjiżna qed ikompli jkun minn ta’ quddiem fil-ġenerazzjoni futura tal-elettriku u b’kontijiet stabbli għal kwalità ta’ ħajja aħjar u serħan tal-moħħ għall-familji u n-negozji.