Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk stqarr li l-Ewropa qed tilħaq il-limitu ta’ kemm tista’ taċċetta refuġjati. Huwa fisser dan fl-appell tiegħu lill-Kommunitá Internazzjonali dwar l-bżonn li jsir iżjed fejn tidħol rilokazzjoni ta’ migranti li qed ifittxu refuġju.
Fl-aħħar snin numru sostanzjali ta’ refuġjati ħarbu l-instabilitá ta’ pajjiżi bħas-Sirja, Iraq, l-Eritrea u s-Somalja fost oħrajn, u fittxew refuġju fl-Ewropa.
Tusk spjega li huwa diffiċli għall-Ewropa, li tkompli tagħti refuġju lill-aktar immigranti. Huwa fisser dan qabel il-G20 summit li se jsir fiċ-Ċina. Fost is-suġġetti li se jiġu diskussa matul dan is-summit, insibu t-terroriżmu, t-tibdil fil-klima u l-kummerċ. Tusk appella lill-pajjiżi membri tal-G20 biex jerfgħu biċċa mir-responsabbilitá f’dik li hija kriżi internazzjonali ta’ imigrazzjoni.
Fi kliemu fisser li din ir-realtá tista’ tiġi indirizzata biss, jekk nindirizzaw ir-raġuni ewlenija li ġġiegħel immigrant jitlaq minn pajjiżu.