Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi azzjoni immedjata biex tipprepara lill-Ewropa kontra t-theddida tal-varjanti tal-Coronavirus.
Il-pjan Ewropew ta’ difiża bijoloġika u ta’ preparazzjoni kontra l-varjanti ser jaħdem f’kollaborazzjoni ma’ riċerkaturi, kumpaniji bijoteknoloġiċi u awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdi inċentivi bil-għan li jiżviluppaw tilqim ġdid u adattat, jgħaġġel il-proċess t’approvazzjoni għat-tilqim u jassigura żieda fil-kapaċità tal-manifattura.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen stqarret li l-prijorità tal-Kummissjoni Ewropea hija li tassigura li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għal tilqim għal kontra l-Covid-19 sigur u effettiv mill-aktar fis possibbli.
Hi tenniet li fl-istess ħin, varjanti ġodda tal-virus qegħdin jiżviluppaw b’rata mgħaġġla u għaldaqstant għandna nadattaw biex nindirizzaw dan il-pass mgħaġġel.
Von der Leyen qalet li l-proġett tad-difiża bijoloġika kontra l-varjanti tal-Covid-19 ser iwaħħad ix-xjenza, l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi.
Dan il-proġett hu maqsum fuq tliet binarji; l-intraċċar u l-analiżi tal-varjanti, il-proċess mgħaġġel ta’ approvazzjoni għat-tilqim modifikat u li tingħata spinta l-produzzjoni tat-tilqim.
Malta kienet pijuniera f’dan il-qasam u kienet minn tal-ewwel li kitbet lill-Kummissjoni Ewropea biex taħseb fost oħrajn għal xiri addizzjonali tal-vaċċin biex possibilment iċ-ċittadini jieħdu t-tielet doża u jilqgħu għall-virus.
Intant il-Kummissjoni Ewropea xtrat mija u ħamsin miljun doża addizzjonali għal kontra l-Covid-19 mingħand il-kumpanija Moderna.