Il-peninżola Iberjana ta’ Spanja u l-Portugall reġgħet tinsab maqbuda f’mewġa ta’ sħana esaġerata, hekk kif it-temperaturi fuq l-Ewropa mistennija jirritornaw għal dak li kienu sa ftit tal-ġranet ilu.
Temperaturi għoljin bejn il-41 grad u t-43 grad Celsius diġà laqtu liż-żewġ pajjiżi fil-Punent tal-Ewropa fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Fil-jiem li ġejjin temperaturi simili ta’ ’l fuq minn 40 grad Celsius se jkomplu jestendu fuq l-Ewropa din il-ġimgħa, fosthom fuq Franza, l-Italja u l-Greċja, waqt li l-ġimgħa d-dieħla mistenni jinżel ukoll fuqna.
Fl-aħħar tliet ġimgħat it-temp estrem, li kiser diversi rekords fid-dinja, affettwa bosta partijiet mill-Ewropa, bi qtugħ ta’ provvisti tal-elettriku u nirien kbar f’diversi pajjiżi, waqt li oħrajn kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ għargħar u maltempati qliel.
F’opinjoni li kitbet fl-aħħar ħarġa tal-KullĦadd, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, kompliet twissi dwar temperaturi għoljin, li jwasslu għal effetti ħżiena fuq is-saħħa.
Għalhekk biex wieħed jibża’ għal saħħtu għandu jevita l-qilla tax-xemx, waqt li jistrieħ, joqgħod għall-frisk u jixrob l-ilma. Jekk dawn is-sintomi jippersistu jew imorru għall-agħar, wieħed għandu jirreferi għal assistenza medika urġenti, irrakkomandat il-Professur Gauci.
Ritratt: France 24