Il-Prim Minsitru Joseph Muscat jaqbel ma’ Jean-Claude Juncker li l-Ewropa mhux biss trid titkellem dwar ir- Russja iżda titkellem mar-Russja
Waqt laqgħa mad-Deputat Prim Ministru tar-Russja Arkady Dvorkovich f’San Pitruburgu, il-Prim Ministru Joseph Muscat esprima qbil mad-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker dwar kif, fl-aħħar snin, l-Ewropa tkellmet wisq fuq ir-Russja minflok tkellmet iktar mar-Russja. Wasal iż-żmien li issa ssir aktar komunikazzjoni ġenwina bejniethom filwaqt li wieħed jirrikonoxxi li fadal kwistjonijiet kbar ta’ prinċipju li għad iridu jiġu solvuti.
“Nemmen li fil-futur qarib Malta se tkun qed tagħti spinta ‘l quddiem lir-relazzjonijiet tagħha mar- Russja billi nitkellmu aktar ma’ xulxin u niddentifikaw fuq liema tip ta’ setturi nistgħu naħdmu flimkien”, qal il-Prim Ministru. Dr Muscat qal li l-element politiku huwa kruċjali biex imbagħad l- element tan-negozju jiżviluppa aktar f’oqsma varji fosthom is-servizzi finanzjarji u t-turiżmu.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Arkady Dvorkovich qal li r-Russja trid issir iktar attiva fil-qasam tan-negozju u għalhekk interessata ħafna li taħdem ma’ Malta. Qal li qed iħares ‘il quddiem għal opportunitajiet li se jinfetħu bejn iż-żewġ pajjiżi għaliex, fi kliemu, hemm żgur potenzjal qawwi ta’ investiment ġdid.