Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal lill-aġenzija EURONEWS li l-Ewropa m’għandhiex rieda u viżjoni biex timplimenta pjan dwar l-immigrazzjoni.
“Hemm ħafna proposti sbieħ, proposti tekniċi tajba li mbagħad jibqgħu fuq il-karta,” qal Alfred Sant meta ntalab jikkummenta fuq l-iżviluppi riċenti fuq l-immigrazzjoni wara li l-Kummissjoni Ewropea ma laqgħetx talba mill-Italja biex tissospendi l-kontribuzzjonijiet għall-Budget Ewropew tas-sena d-dieħla, jekk Brussell ma ssolvix il-kwistjoni dwar l-immigranti li jinsabu maqbuda fuq il-vapur Diciotti fil-Port ta’ Catania.
Fl-intervista ma’ EURONEWS, Alfred Sant spjega li bl-attitudni preżenti tiegħu, il-gvern Taljan qed jaljena gvernijiet oħra tas-Sud tal-Ewropa li għandhom ikunu l-alleati naturali tal-Italja. Sant qal li l-movimenti li l-Gvern Taljan jiftaħar li huma qrib tiegħu bħal dawk tal-Bavarja u tal-Ungerija se jkunu qed japplikaw l-istess loġika tal-Italja fl-interess nazzjonali ta’ pajjiżhom. U fl-interess nazzjonali tagħhom, dawn mhux se jaqblu mat-talbiet li qed tagħmel l-Italja.