L-Unjoni Ewropea ma tistax tħalli lil Malta u lill-bqija tal-pajjiżi Mediterranji waħedhom iħabbtu wiċċhom mal-isfidi relatati mal-migrazzjoni ta’ mijiet ta’ persuni li jidħlu b’mezzi irregolari.
Hekk qalet Dr Josianne Cutajar fl-ewwel minn serje ta’ laqgħat ta’ diskussjoni fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin li saret fl-Imsida u li trattat is-suġġett tal-migrazzjoni.
Hija stqarret li s-suġġett huwa sensittiv iżda l-politiċi jrid ikollhom il-kuraġġ li jindirizzaw anke dawn is-suġġetti l-aktar delikati.
Minħabba dewmien ta’ deċiżjonijiet politiċi fl-aħħar xhur għadd ta’ persuni tħallew jistennew bejn sema u ilma. F’xi każi l-Gvern Taljan mhux biss hedded iżda naqas milli jonora dmirijiet. F’dawn id-drabi nstabu soluzzjonijiet temporanji. F’kull każ Malta aġixxiet f’konformita’ mal-obbligi legali tagħha, u fejn marret oltre assigurat li ġiet ikkumpensata.
“Hemm problema umanitarja u problema politika li trid tissolva biss b’soluzzjoni fit-tul; b’sistema ġdida li tieħu post il-problemi li qed jinħolqu mis-sistema preżenti” qalet Josianne Cutajar.
Il-prinċipju bażiku li joħroġ mir-regoli ta’ Dublin huwa li migrant jista’ biss jitlob l-ażil fl-ewwel art li jinżel fiha. Għaldaqstant dan qiegħed iwassal lill-pajjiżi ġirien tagħna li jħallu bastimenti mimlijin persuni barra mill-port.
Il-Kandidata għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista semmiet iċ-ċirku ta’ traffikanti li jieħdu vantaġġ mit-tbatija ta’ nies vulnerabbli. Saħqet li flimkien ma’ ħidma għall-bini ta’ sistema ġdida legali, politika u loġistika li tieħu post il-qafas ta’ Dublin, irid isir sforz kollettiv biex jitkisser il-mudell operattiv ta’ dawn iċ-ċrieki kriminali.
Id-diskussjoni misset ukoll mal-migrazzjoni ta’ ħaddiema Ewropej lejn Malta li żdiedet mat-tkabbir ekonomiku li ra l-pajjiż fl-aħħar snin.
It-tkabbir tal-popolazzjoni u t-taħlit ta’ kulturi jġibu magħhom ċertu sfidi inkluż pressjoni fuq is-settur tal-akkomodazzjoni u dak edukattiv. “Iżda bi pjan serju biex insaħħu l-infrastruttura kemm fiżika u kemm soċjali, minflok ma jħassibna t-tkabbir, jista’ jkompli jiftħilna l-opportunitajiet,” sostniet Josianne Cutajar.
Kien għalhekk li hija laqgħet l-investiment tal-Gvern fil-qasam tal-akkomodazzjoni, partikolarment l-akbar investiment li qatt sar fil-housing socjali mħabbar aktar kmieni din il-gimgħa.
Għar-rigward tal-isfidi fil-qasam tal-edukazzjoni hemm pjan ukoll għal skola internazzjonali oħra fl-Imtarfa. L-appell ta’ Cutajar kien li jkompli jiżdied l-appoġġ u t-taħrig lill-għalliema li għall-kuntrarju ta’ ftit snin ilu qed ikollhom klassijiet bi studenti minn diversi kulturi differenti.
Fid-dawl ta’ żieda li qed tinħass fil-ksur tal-liġi f’ċerti żoni sensittivi tal-pajjiż, Cutajar qalet li s-sigurta’ tibqa’ prijorita’ u għalhekk għandha tkompli tiżdied il-preżenza tal-Pulizija biex il-kommunità tħossha aktar sigura. Hija laqgħet ukoll il-kunċett ta’ Safe Cities li ħabbar il-Gvern fl-aħħar Baġit.
Id-Direttur fid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni Silvan Agius ngħaqad ma’ Cutajar fl-enfasi fuq il-ħtiega ta’ użu ta’ programmi ta’ inklużjoni li beda jniedi l-Gvern. Dan kemm biex jissaħħaħ id-djalogu bejn il-komunità Maltija u persuni barranin u anke biex jissaħħaħ l-għarfien bażiku tal-ilsien Malti minbarra dak Ingliż fost persuni barranin.
Fi tmiem il-laqgħa, il-kandidata ghall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Dr Josianne Cutajar qalet li tinsab fiduċjuża li bħalma s-soċjetà Maltija u Għawdxija kienet reżiljenti u żammet il-valuri u t-tradizzjonijiet tagħha anke meta kienet maħkuma minn qawwiet barranin, se tkun tkompli tħares id-drawwiet u l-kultura tagħha filwaqt li għaddejja minn tkabbir.