L-Ewropa għandha tagħfas fuq is-suq waħdieni li joħloq xogħol, u l-element soċjali li jagħti kwalita’ ta’ ħajja.
Waqt is-Summit Informali tal-Mexxejja Ewropej fi Bratislava, l-Islovakkja, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif il-perjodu ta’ riflessjoni li hemm bżonn bħalissa jrid ikollu l-għan li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fi żmien stipulat.
F’laqgħa dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-vot tar-Renju Unit u t-tħassib tan-nies dwar l-immigrazzjoni fost oħrajn, Dr Muscat wassal il-messaġġ li l-punt tat-tluq huwa li l-Ewropa ma tfissirx, u ma tistax tfisser, kollox għal kulħadd. Dwar l-immigrazzjoni, it-tassazjoni, ir-relazzjoni mar-Russja u t-Turkija, dak li jista jkun tajjeb għal uħud huwa ħażin għal oħrajn.
“Din m’hijiex xi ħaġa ġdida. Tensjonijiet bħal dawn eżistew fil-passat. Id-differenza llum hija li l-familja Ewropea hija ikbar u inqas omoġenika”, qal il-Prim Ministru. Fi żmien meta l-forzi tal-globaliżazzjoni huma qawwija iktar minn qatt qabel, bl-Ewropa donnha qed iddur lura għal protezzjoniżmu, hemm bżonn idea ġdida Ewropea li tkun tissorprendi lid-dinja b’mod pożittiv.
Dr Muscat qal li l-erba libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jibqgħu l-pedament ta’ din it-triq, filwaqt li wieħed jara li ma jiġux abbużati bħal per eżempju minn min jiċċaqlaq minn pajjiż għal ieħor sempliċiment biex jieħu benefiċċji soċjali. L-investiment huwa kruċjali. “Għandu jkun hemm spinta bla preċedent favur użu massimu tal-potenzjal li joffri s-suq waħdieni, li jfisser aktar impjiegi u karrieri aħjar”, qal il-Prim Ministru.
Dan għandu jingħaqad mat-tisħiħ tal-politika soċjali biex, minflok protezzjoni, isir immaniġjar soċjali tal-globaliżazzjoni li jwassal għal kwalita’ tal-ħajja aħjar fl-Ewropa. Il-mexxejja Ewropej se jkomplu din id-diskussjoni f’summit li se jsir f’Malta fl-ewwel parti tas-sena d-dieħla.