Is-sena li għaddiet kien hemm 142 attakk jew attentat ta’ attakk terroristiku madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Iktar minn nofshom, proprju 67, kienu rrapportati fir-Renju Unit. Dan kien segwit bi Franza bi 23 każ, l-Italja bi 17–il każ, Spanja 10 każi, 6 seħħew il-Greċja, 5 il-Ġermanja, 4 il-Belġju u kien hemm attakk fl-Olanda.
Kien hemm 142 vittma li mietu f’attakki terroristiċi fl-Unjoni Ewropea u 379 li weġġgħu.
Dan irriżulta mill-għaxar edizzjoni tar-rapport dwar it-terroriżmu fl-Ewropa li kien ippreżentat f’pajjiżna f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopolous, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia u d-Direttur Eżekuttiv tal-Europol Rob Wainwright, b’dan tal-aħħar jispjega kemm huwa importanti li jkun hemm it-tixrid tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi membri f’dawn iċ-ċirkostanzi partikolari.
Is-sena li għaddiet kienu arrestati 1,002 persuni b’rabta ma’ terroriżmu u l-maġġoranza tagħhom huma membri ta’ movimenti militanti iżlamiċi.
Mill-142 vittma, 135 persuna nqatlu minn movimenti simili.
Minn naħa l-oħra terz ta’ dawk arrestati, 291, għandhom 25 sena jew inqas. Kienu użati splussivi f’40% tal-attakki u għalkemm it-terroristi juzaw firxa ta’ armi baqa’ b’saħħtu l-użu tal-isplussiv.
40% tal-attakki terroristiċi fl-Ewropa huma maħsuba li jkun parzjalment finanzjati mill-kriminalità, fosthom it-traffikar tad-droga, is-serq, il-kuntrabandu u l-frodi fost oħrajn.
Qed jiżdied ukoll is-sehem tan-nisa, b’26% ta’ dawk involuti huma nisa.
Kien innotat ukoll fil-gruppi militanti iżlamiċi fehmu tajjeb ħafna kif taħdem id-dinja tal-midja soċjali u nidew kampanji b’saħħithom li permezz tagħhom ġibdu militanti ġodda.
Il-Ministru Farrugia sostna li l-memorja tal-vittmi innoċenti għandha sservi ta’ xprun biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ tagħmel bħala prijorità l-ġlieda tagħhom kontra dawn l-attakki viljakki.