Diversi partijiet fl-Ewropa ċentrali, partikolarment fl-Italja u fi Franza, inħakmu minn għargħar wara xita qliel li niżlet fl-aħħar jiem.
L-agħar fost il-partijiet milquta hemm ir-reġjun ta’ Emilia Romagna fejn niżel mal-mija u sittin millimetru tax-xita fil-belt ta’ Bologna.
S’issa ġie kkonfermat li persuna mietet kawża tal-maltemp wara li karozza inġarret mill-ilmijiet.
L-awtoritajiet fir-reġjun qalu kif minħabba l-maltemp id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, wettaq mat-tlett mitt intervent f’operazzjonijiet diversi ta’ salvataġġ.
Intant, fi Franza l-għargħar ikkawża qtugħ ta’ dawl u ħsarat kbar hekk kif skont l-aġenzija tat-temp ta’ dan il-pajjiż niżel aktar minn sitt mija u tmenin millimetru ta’ xita f’ċertu żoni f’temp li dam għaddej tmienja u erbgħin siegħa.