Skont studju tal-Ewrobarometru, Malta hija fost l-aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li rkupraw mill-pandemija globali tal-Covid-19.
Fl-istess studju, il-Maltin esprimew sentiment pożittiv dwar il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, li ġie approvat mill-Unjoni Ewropea u li huwa kkofinanzjat minn fondi Ewropej.
L-Ewrobarometru huwa stħarriġ regolari kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea madwar l-Istati membri tagħha. F’din l-edizzjoni ħadu sehem aktar minn sitta u għoxrin elf persuna.
Mill-aħħar stħarriġ ħareġ li 83 fil-mija tal-Maltin wieġbu li f’pajjiżna kien hawn irkupru mill-pandemija, anki permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza.
Ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew il-medja tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 70 fil-mija.
Ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew ir-rata ta’ pajjiżi kbar bħal Franza, li r-rata tagħha hija ta’ 67 fil-mija, waqt li fil-Ġermanja r-rata hija ta’ 63 fil-mija.
Minn dan l-Ewrobarometru ħareġ ukoll li l-Maltin huma l-aktar ċittadini Ewropej li qalu li l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza għandu l-aktar jinvesti favur l-ambjent, l-enerġija ekoloġika, u fil-ġlieda kontra tibdil tal-klima.
Infatti, meta l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea, f’Settembru tal-2021, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li dan il-Pjan ta’ Malta huwa l-aktar wieħed favur l-ambjent fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Riċentament, il-President tal-Kummissjoni Ewropea faħħret ir-riformi li pajjiżna għamel biex ikun jista’ jieħu aktar fondi minn dan il-Pjan. Il-Kummissjoni Ewropea kienet approvat valutazzjoni preliminari ta’ aktar minn €52 miljun.
“Malta has been working, for example, on strengthening the fight against corruption and increasing the independence of the judiciary. Malta has also stepped up mapping investments in industrial innovation and improved waste management, to the benefit of the circular economy. Finally, we welcome the important measures to make school buildings more energy-efficient. Keep up the good work, Malta.”
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea