91 fil-mija taċ-ċittadini Maltin qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija tajba. Din hija l-akbar rata minn fost in-nies tas-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar fix-xhur ta’ Jannar u Frar, u li fih ħadu sehem aktar minn 26,000 persuna.
Din ir-rata hija ferm ogħla mir-rata tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 69 fil-mija. Din tfisser differenza ta’ 22 fil-mija.
F’dan l-Ewrobarometru ħareġ li l-Maltin huma l-aktar ċittadini minn fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea li jemmnu li, f’din is-sena li ġejja, se jkunu f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar. Fil-fatt, 39 fil-mija tal-Maltin wieġbu hekk. Dan ifisser id-doppju tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 19 fil-mija.
Minn dan l-Ewrobarometru ħareġ ukoll li l-Maltin huma l-aktar ċittadini minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jafdaw lill-Gvern. Dan hekk kif kważi żewġ terzi tal-Maltin qalu li għandhom fiduċja fil-Gvern. Hawnhekk, ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew ir-rata tal-medja tal-pajjiżi Ewropej, hekk kif din hija ta’ 32 fil-mija. B’hekk, id-differenza hija kważi d-doppju; ta’ 31 fil-mija.
Dan filwaqt li l-fiduċja tal-Maltin fil-Pulizija hija ta’ 70 fil-mija, waqt li l-fiduċja fil-midja naqset b’ħamsa fil-mija.
Minn dan l-Ewrobarometru ħareġ ukoll li s-sistema tas-saħħa f’pajjiżna hija fost l-aktar fdata fl-Unjoni Ewropea, hekk kif għandha rata ta’ 91 fil-mija.
Dan filwaqt li 93 fil-mija tal-Maltin qalu li kienu sodisfatti bil-miżuri li ħa l-Gvern waqt il-pandemija.
Ħareġ ukoll li l-fiduċja tal-Maltin fil-Parlament Ewropew naqset b’10 fil-mija, meta mqabbel mal-Ewrobarometru li sar fis-sajf li għadda.
Minn dan l-Ewrobarometru ta’ Jannar u Frar ħareġ ukoll li kważi 60 fil-mija taċ-ċittadini Maltin jemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba u huwa l-aktar pajjiż minn fost l-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea li jemmen dan. Hawnhekk, ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew il-medja ta’ pajjiżi akbar minn Malta u anki l-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.