Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nħatar Viċi President tal-Intergrupp responsabbli mill-kaċċa u l-bijodiversità fil-Parlament Ewropew.
F’kumment ma’ ONE News Agius Saliba qal li permezz ta’ din il-ħatra, pajjiżna ser ikollu vuċi fuq livell Ewropew li se tipproteġi d-delizzju tal-kaċċa li hu parti integrali mill-kultura u t-tradizzjoni ta’ pajjiżna.
Huwa stqarr: “Jiena naħseb dan kien ukoll sinjal importanti ħafna li l-kawża tad-dilettanti Maltin u Għawdxin tal-kaċċa u l-insib issa nistgħu nagħtuha aktar u aktar importanza fuq livell Ewropew.”
L-Intergrupp tal-Kaċċa fil-Parlament Ewropew twaqqaf fl-1985 u huwa wieħed mill-aktar gruppi attivi fil-Parlament Ewropew. Dan jiġbor fih 126 Ewro-Parlamentari.
Agius Saliba ta’ ħajr lill-Federazzjoni Maltija Nassaba u Konservazzjonisti l-FKNK u qal li se jkompli jkun leħen sod għad-dilettanti tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna. Huwa temm jgħid: “Naħseb l-irwol li ser ikolli fejn għall-ewwel darba ser inkun wieħed minn erba’ Viċi Presidenti tal-grupp dan jista’ jgħinha ħafna iktar sabiex inkunu aktar preparati u nkunu nistgħu nikkonvinċu b’mod aktar b’saħħtu fuq livell Ewropew sabiex fl-aħħar mill-aħħar nipproteġu d-delizzju ta’ eluf ta’ kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin.”