Ħafna mill-inkwiet mal-Partit Nazzjonalista beda meta ressaq ‘Private Member’s Bill’ dwar l-introduzzjoni tad-Divorzju. Dakinhar fazzjonijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bdew jattakawh qatta bla ħabel, bil-konsegwenza li kellu jirriżenja mill-istess Partit.
Stqarr dan l-Eks Deputat Parlamentari Jeffrey Pullicino Orlando, f’konferenza tal-aħbarijiet dwar żviluppi soċjo-politiċi li seħħew fis-soċjetà Maltija wara d-dħul tad-divorzju.
Pullicino Orlando spjega li ma jistax jifhem kif illum fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm kandidati li jitkellmu fil-beraħ dwar l-abort u l-ewtanasja, bla ebda twissija mit-tmexxija tal-istess Partit. Partit li huwa meqjus bħala konservattiv iżda b’kandidati meqjusin liberali estremi.
Pullicino Orlando qal kif il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttill issa qed jinqata’ min-nies tiegħu stess.
Waqt id-diskussjoni dwar l-evolviment tas-soċjetà Maltija wara l-introduzzjoni tad-Divorzju, Pullicino Orlandu u l-Ministru Evarist Bartolo – li flimkien kienu ressqu l-private member’s bill – spjegaw kif il-Kampanja u d-dħul tad-Divorzju biddlu l-mentalita’ ta’ bosta Maltin fosthom saħansitra tal-Knisja Maltija li dak iż-żmien kienet ikkampanjat bis-saħħa kontra d-divorzju.
Kemm Jeffrey Pullicino Orlando u kif ukoll il-Ministru Evarist Bartolo kkonfermaw li mhux se jikkampanjaw favur l-abort.