- Il-Presidenza Maltija tkompli tikseb ir-riżultati
Seba’ ġimgħat biss wara l-bidu tagħha, il-Presidenza Maltija, laħqet ftehim mal-Kunsill għall-Affarijiet Finanzjarji u Ekonomiċi fi Brussell, l-Ecofin, biex tkun ikkompilata lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkoperawx mal-liġijiet Ewropej dwar l-evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus, bil-għan li dawn ikunu esklużi.
Il-Ftehim li qed jissejjaħ Anti-Tax Avoidance, ATAD II, huwa prova ċara ta’ kemm pajjiżna huwa kommess li jiġġieled il-fenomenu tal-evażjoni tat-taxxa. B’Hekk, kwalunkwe allegazzjoni li pajjiżna qed ikaxkar saqajh biex jilħaq dan il-ftehim mal-Ewropa kienet falza.
Il-ftehim tmexxa mill-Ministru Edward Scilcuna, u huwa l-iktar wieħed riċenti minn għadd ta’ miżuri li ttieħdu bil-għan li titwaqqaf l-evażjoni tat-taxxa f’kumpaniji b’bażi differenti, li tista tkun detriment għall-bażi tas-sistema tat-taxxa f’pajjiżi Ewropej.
Il-Ministru Scicluna qal li l-Unjoni Ewropea hija fuq quddiem nett tal-battalja kontra l-evażjoni tat-taxxa, u l-Istati Membri jridu implimentazzjoni fil-liġi Ewropea dwar dan il-pjan ta’ azzjoni. La darba din il-lista tal-pajjiżi tkun ikkompilata se teskludi lil dawn il-pajjiżi, filwaqt li tuża l-lista bħala mezz ta’ prevenzjoni għal frodi u ħasil ta’ flus.
Il-Ministru qal li l-għan Ewropew hu li jippromwovi standards għoljin tas-sistemi tat-taxxi u li ġurisdizzjonijiet terzi jkunu soġġetti għal investigazzjoni. B’Hekk ikun żgurat li pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea konformi mal-istandards Ewropej. Il-lista mistennija tkun finalizzata sat-tmiem tal-elfejn u sbatax.