Din l-operazzjoni wasslet biex ġew identifikati tmintax-il tifel u tifla u arrestati żewġ aggressuri.
L-Ispettur Malti spjega ma’ dan l-istazzjon kif esperti minn kull pajjiż, flimkien ma’ speċjalisti tal-Europol li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal, raw mal-ħames mija u tmenin sett ta’ ritratti u filmati li juru vittmi mhux magħrufa ta’ abbuż sesswali tat-tfal.
Qal, “Konna qegħdin ġo sala li fiha kien hemm iktar minn tletin ruħ li huma speċjalizzati f’dan is-suġġett u hemmhekk meta għandek nies miġbura minn madwar id-dinja li flimkien qed jaħdmu fuq filmati differenti però wkoll qed jiskambjaw informazzjoni diretta, eżempju tiltaqa’ ma’ lingwa li m’intix komdu biha, hemmhekk inti ħa ddur fuq xi ħadd li taħseb li huwa kunfidenti iktar minnek f’dik il-lingwa u ħa tikkollabora miegħu sabiex tidentifika.”
Tul din l-operazzjoni, li kienet it-tieni esperjenza tal-Ispettur Zammit, kien hemm suspett li wħud mill-vittmi kienu Maltin.
Spjega, “Jiena personali kont involut f’każ fejn at one point, kellna suspett li fil-filmat kienu jidhru tfal Maltin imma meta ġie mgħoddi lili u analizzajtu jien, abbażi ta’ dik l-informazzjoni ddeterminajna li mhux biss li t-tfal li kienu jidhru fih ma kinux Maltin però wkoll wasalna biex identifikajna ’l pajjiż fejn seta’ kien. Fil-fatt anki bl-għajnuna tal-kollega tiegħi mill-pajjiż l-ieħor, fi żmien sagħtejn ir-risposta li kellna kienet li dawn it-tfal ukoll ġew identifikati.”
L-Ispettur spjega kif l-etajiet tal-vittmi fil-filmati kienu jvarjaw, minn trabi sa tfal u żgħażagħ.
Innota wkoll kif l-età tat-tfal li jieħdu filmati sesswali tagħhom infushom dejjem qed tonqos u appella għal aktar għarfien u attenzjoni.
Qal, “Li għal pajjiż ċkejken bħal tagħna niddedikaw ċertu riżorsi għal ġimagħtejn sħaħ sabiex ikunu jistgħu jiffukaw fuq inizjattiva bħal din, juri l-impenn li għandu l-Korp tal-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fil-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal. Dawn l-inizjattivi jieħdu ħafna effort, jieħdu ħafna xogħol u permezz tagħhom inkunu mhux biss qed ngħinu lil dawn it-tfal però nkunu wkoll qed nikkollaboraw ma’ pajjiżi oħra u jkollna kuntatti u nibnu n-netwerks meħtieġa sabiex ’il quddiem, ix-xogħol tagħna jsir b’mod iktar effiċjenti u b’mod iktar effettiv.”