Il-moderati fil-Partit Nazzjonalista qed jinqatgħu għal kollox mit-tmexxija tal-istess partit, bil-klikka tal-estremisti saħansitra tattakka lill-Viċi-Kap, Mario De Marco, li biex iwieġeb kellu juża Facebook. Osservaturi politiċi ilhom jinnotaw u jitkellmu dwar din il-qasma fil-Partit Nazzjonalista u l-kandidatura ta’ Salvu Mallia għamlitha iktar evidenti.
Għaliex, hemm il-kwistjoni mhix dwar Salvu Mallia nnifsu, iżda dwar kif Mallia huwa mħeġġeġ mill-Kap u ta’ madwaru biex iġib ruħu b’mod li għal ħafna mhux aċċettabbli. Taqbeż għalih il-ħin kollu Daphne Caruana Galiza, il-kelliem mhux uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, li jikkwotawha regolarment NET NEWS u n-Nazzjoni, il-Kap Simon Busuttil u l-Viċi tiegħu Beppe Fenech Adami.
Wara jiem tiddefendi lil Salvu Mallia, Caruana Galiza kitbet biex in-nies ma jivvotawx lil dawk li mhux qegħdin jagħtu l-appoġġ kollu lil Simon Busuttil u fost oħrajn semmiet kif Mario De Marco għadu Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista anke jekk fi kliemha ma jurix dan. Qalet li vera De Marco kellu mument difficli, iżda skont hi anke Beppe Fenech Adami, li skont kitbitha tgħidx kemm qed jagħmel xogħol tajjeb.
Qalet li hemm oħrajn li mhux jappoġġjaw lil Simon Busuttil u dawn għandhom ikunu mgħallqa. “Tivvotawlhomx,” kitbet Caruana Galizia.
U biex iwieġeb, anke jekk ma semmijiex b’isimha, De Marco, kiteb li ġibdulu l-attenzjoni li kien hemm min ikkumenta li kien nieqes.
De Marco għamel kitba jgħid fejn deher u ma dehrx, filwaqt li tkellem ukoll dwar dak li għadda minnu.
Il-Viċi-Kap qal li jemmen fil-privatezza personali u tenna li jittama n-nuqqas tiegħu kien ikun mifhum, għalkemm issa, qal De Marco deher li mhux il-każ.
Pero kif tindika l-kitba ta’ Caruana Galizia De Marco mhux eċċezzjoni.
Fil-mira hemm ukoll Claudio Grech li riċentament qalilna b’mod ċar ħafna li ma jaqbilx mad-diskors ta’ Salvu Mallia.
Dikjarazzjoni li ma tinżilx tajjeb mad-Dar Ċentrali fejn Salvu Mallia huwa meqjus bħala l-iktar kisba importanti.
Tant li miegħu saret eċċezzjoni u lanqas biss deher quddiem il-Kummissjoni Kandidati kif sar fil-każi tal-kandidati l-oħra. Għax fi kliem Simon Busuttil il-Partit Nazzjonalista, għal nies bħal Mallia, qiegħed.