L-Estonia mistennija tieħu post ir-Renju Unit fit-tmun tal-Kunsill Ewropew, wara li jintemm it-terminu ta’ sitt xhur tal-Presidenza Maltija, li tibda proprju f’Jannar li ġej. Dan ħareġ wara li l-Prim Ministru Ingliż Theresa May ħabbret li pajjiżha uffiċjalment irrinunzja mit-terminu tiegħu.
Għalkemm mhux konfermata uffiċjalment, din l-aħbar ittemm ġimgħat ta’ spekulazzjoni dwar min se jimla l-vojt li se jħalli r-Renju Unit, wara li dan ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Fost il-possibiltajiet kien hemm dik li s-sitt xhur tal-Presidenza Ingliża jinqasmu bejn Malta u l-Estonia, waqt li fl-aħħar jiem il-Belġju offra li jassumi l-irwol hu.
Iżda jidher li l-loġika ħarġet minn fuq, hekk kif flok jinstab sostitut għar-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea se tressaq kollox lura b’sitt xhur. Deċiżjoni li tista’ tkun ukoll uġigħ ta’ ras għal pajjiżi li jsegwu, li normalment jippreparaw għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew minn snin qabel it-terminu tagħhom.
Intant, għal Malta jibqa’ kollox l-istess, bis-sitt xhur tal-Presidenza Maltija jibdew f’Jannar li ġej. L-Estonia ssegwi fit-tieni nofs tal-2017, bil-Bulgaria tieħu t-tmun f’Jannar 2018.