L-estensjoni tal-vouchers tal-€100 sal-aħħar t’Ottubru se tgħin lil Għawdex fi żmien meta t-turiżmu jibda jbatti.
Dan kien il-messaġġ tal-Awtorità Għawdxija tat-Turiżmu u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, b’reazzjoni għal din l-estensjoni li ħabbar il-Gvern.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat qal kif din it-tieni skema tal-vouchers għenet sabiex in-negozji jkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom minkejja l-pandemija.
Is-Sur Joe Muscat stqarr, “Dan se jgħin sabiex l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin ikomplu jibbenefikaw minn din l-iskema, f’perjodu li huwa kemmxejn diffiċli għax ovvjament kif ibattu l-ġimgħat tas-sajf, allura imbagħad jibda jkollna ftit nuqqas ta’ turiżmu u hekk dan il-pass, illi l-vouchers jiġu msarrfa sal-aħħar t’Ottubru ser jgħinha sabiex inkomplu niġġeneraw iktar attività ekonomika fl-istabbilimenti Għawdxin.”
Muscat qal ukoll kif l-iskema tal-vouchers għenet ħafna s-suq turistiku intern bejn Malta u Għawdex.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Daniel Borg qal kif l-iskema tal-vouchers, li injettat medja ta’ żewġ miljun u sitt mitt elf ewro fil-ġimgħa, tat il-kunfidenza meħtieġa li n-nies sabiex immorru fl-istabbilimenti madwar pajjiżna.
Borg qal, “U għalina f’Għawdex qed naraw li jestendu sal-aħħar t’Ottubru, allura huwa aktar pożittiv għax forsi f’Ottubru nibdew perjodu fejn tradizzjonalment jibda ċertu perjodu aktar kwiet, allura jkollok tagħti dik, kif taqbad tgħid, dik iċ-ċertu trankwillità u hekk tgħid mela ok, mela nista’ mmur Għawdex per eżempju fil-perjodu ta’ Ottubru.”
Sal-5 ta’ Settembru ntefqu €2.4 miljun fl-istabillimenti u negozji Għawdxin.
Ix-xhur tas-sajf kienu beżlin għall-gżira tat-tliet għoljiet, hekk kif matul Lulju u Awwissu żaruha madwar miljun persuna.