Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed joqgħod iżjed fuq li jgħidulu dawk mill-fazzjoni tal-establishment, magħrufin ukoll bħala tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, waqt li jeħodha qatta bla ħabel kontra dawk li qed iwarrbu lill-PN għax kienu ta’ Adrian Delia.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd, hekk kif irrimarkat li fl-isfond ta’ ġlied kbir u riżenji fil-Partit Nazzjonalista, il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qed tgħid li min qed jitlaq u jabbanduna l-Partit, qed jeqred fil-vojt.
Fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, il-Kullħadd spjegat li s-sorsi tagħha fid-Dar Ċentrali dejjem qed isostnu li qed jistennew aktar riżenji.
Madankollu quddiem dan kollu, fuq il-Kap, is-sorsi tal-gazzetta sostnew li mhux jara l-kitba fuq il-ħajt.
Fil-fatt, l-istess sorsi spjegaw kif li dak meqjus bħala Kap “touchy” qed joqgħod għal dak li qed jgħidulu ta’ Busuttil u ma joqgħodx jiffitta, speċjalment meta jwarrab xi ħadd li kien ta’ Adrian Delia.
Anzi ngħad li lil dawk li kienu ta’ Delia għandu joħroġ iweġibhom u juri li r-riedni tal-Partit issa reġgħu qegħdin f’idejn dawk li dejjem iddettaw x’għandu jsir fid-Dar Ċentrali.
Hawnhekk, il-Kullħadd tirreferi għall-każ li ddomina l-aħbarijiet fl-aħħar ġimgħat, dak tal-eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo.
Arrigo kien qal kif huwa kien twarrab mill-Partit Nazzjonalista u saħansitra ntqal lilu li tajjeb biss biex jiġbor il-flus.
“Jibqalek dik id-dieqa, dik it-togħma qarsa ta’ xi ħaġa li inti ħabbejt tant. Kont kapaċi niġbor il-flus biss jgħiduli.”
Madankollu Bernard Grech kien qal li dan ma hu veru xejn.
“Ma huwa veru xejn, ma huwa veru xejn.”
Il-Kulħadd tagħmel riferenza wkoll għall-mod ta’ kif Robert Arrigo giddeb lill-Kap Bernard Grech dwar il-proċess intern li għadda minnu lis-Sindku tan-Naxxar Ann Marie Muscat Fenech Adami.
Proċess li Arrigo kien qal li ilu li ntemm u Grech, iżda, żamm kollox għax il-konklużjonijiet ma kinux kif xtaq hu.
Fil-fatt, wara li xhur ilu kien talab lil Muscat Fenech Adami biex tirriżenja mill-pożizzjoni minħabba kunflitt ta’ interess f’deċiżjoni tal-Kunsill li tmexxi, il-kumitat ta’ dixxiplina u etika tal-Partit wasal biss għal ċanfira fil-konfront tagħha.
Madankollu l-Kullħadd, ma tieqafx hawn hekk kif issemmi numru ta’ istanzi oħra li nvolvew persuni oħra li rriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista fosthom Andrè Grech, Roselyn Borg Knight, Daniel Attard, Jonathan Dingli u l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea.
Dan tal-aħħar ftit qabel l-elezzjoni ġenerali kien iddikjara li l-PN u dawk qrib it-tmexxija l-ġdida għaddewh minn infern sħiħ. Riċentament f’intervista fuq l-Istazzjon Nazzjonali qal hekk ukoll dwar ir-riżenja tiegħu.
“Kont ilni naħseb fuqha – iċ-ċirkostanzi fil-partit ma għenunix ukoll, jiġifieri bdejt inħossni li l-mentalità li sfortunatament għadha tipprevali, li issa aħna expired u m’għandniex x’noffru, hux, u allura għamluhieli iktar faċli l-partit biex nitlaq.”