L-establishment tal-Partit Nazzjonalista kompla jintensifika l-manuvri fil-konfront tad-Deputati li fix-xhur li għaddew kienu ta’ tarka jew qabżu għall-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Sorsi mill-Partit Nazzjonalista, li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd irrimarkaw li l-Viċi Kap David Agius u d-Deputat Stephen Spiteri diġà jinsabu fil-mira ta’ dawn l-azzjonijiet, li jinkludu b’mod partikolari t-tixrid ta’ stejjer relatati mal-individwi jew l-iskreditar personali tagħhom.
Fil-qalba ta’ dawn l-attakki hemm ukoll Jason Azzopardi, bil-Kap Bernard Grech qed ikollu joqgħod għal dak li tiddettalu l-istess klikka li kkordinat l-attakki fil-konfront tal-eks Kap Adrian Delia tul is-sajf li għadda.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat kif matul il-ġimgħa li għaddiet Manuel Delia, l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, kiteb artiklu li fih sejjaħ lill-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius bħala bniedem b’ħajja politika miżerabbli u bla punt.
Agius spiċċa wkoll fil-mira tal-blogger tal-establishment wara li kien biswit Adrian Delia meta f’konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil intalab iwarrab.
Dan meta ħarġu l-konklużjonijiet ċari tal-inkjesta Maġisterjali dwar Egrant u ntqal kif din kienet gidba.
Simon Busuttil kien ibbaża kampanja elettorali fuq gidba u fuq storja li nbniet fuq dokumenti ffalsifikati.
Intant fl-istess waqt l-attakk ikkordinat mexa wkoll fuq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri li bħalissa jinsab taħt investigazzjoni wara li fl-2018 Spiteri kien ġie rrapportat li allegatament joħroġ ċertifikati mediċi mingħajr ma jkun invista lill-pazjenti.
Dan wassal għal inkjesta formali mill-Kunsill Mediku u każ Kostituzzjonali mit-Tabib stess biex iwaqqaf l-istess inkjesta. Il-lanzita tal-establishment għal Spiteri tmur lura wkoll għal Lulju tas-sena li għaddiet, meta Spiteri kien beżaq fis-sunnara ta’ Jason Azzopardi wara li dan tal-aħħar involvih fost id-deputati ribelli li sfiduċjaw lil Delia iżda quddiem il-President ta’ Malta, Spiteri kien astjena.
Dan fil-fatt kien żvelah b’mod esklussiv ONE News wara li Stephen Spiteri stess stqarr dan ma’ dan l-istazzjon li ma marx kontra Delia.
Fil-bidu ta’ din is-sena, imbagħad il-Kap il-ġdid Nazzjonalista pprova wkoll jneħħi lil Spiteri minn Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa fuq suġġeriment tal-istess establishment, li kien qed jiltaqa’ u jagħti istruzzjonijiet lill-id il-leminija ta’ Grech, Ray Bezzina, Eks Chief of Staff ta’ George Pullicino fl-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Is-sorsi tal-gazzetta KullĦadd qalu li Jason Azzopardi se jkompli jżid fid-doża tal-attakki tiegħu kontra deputati li mhumiex meqjusa tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u b’hekk mhux wara l-Kap preżenti Bernard Grech.
Dan fi sfond ta’ partit fejn il-firda għadha ssaltan u anki biex Jason Azzopardi jkompli jgħatti xturu wara li nqabad li ma kienx iddikjara x’jaqla’ għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa għal tliet snin konsekuttivi u anki qajjem dubji dwar dikjarazzjoni tat-taxxa li kien għamel għall-2019 meta kien qal li ma qala’ xejn mill-professjoni legali, anki jekk Azzopardi hu magħruf li hu avukat imqabbad.