L-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt u partavuċi tal-establishment Nazzjonalista, Manuel Delia, ħareġ jgħajjar lill-Avukat u eks Deputat Franco Debono bħala “tumur” li qed jerġa’ jitfaċċa.
Bit-titlu “The one who eats the scene”, Delia kompla jżid id-doża f’dan l-attakk tal-establishment wara li, permezz tal-Avukat Edward Debono, gideb dwaru fuq ir-radju tal-Knisja.
Fil-fatt nhar is-Sibt li għadda, Edward Debono, li qed jirrappreżenta legalment lill-Oppożizzjoni, qal li Franco Debono għamel il-kundizzjoni li jkun fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jkun parti minnu.
“Però wieħed irid joqgħod attent ukoll, li ma tistax tinsa d-deċiżjonijiet li waqqgħu gvern li ħa Franco Debono.”
Franco Debono, iżda mar fuq l-istess programm biex igiddbu u sfidah biex jissostanzja dak li qal. Minkejja dan, kemm mat-Times dakinhar stess u, sal-lum, l-Avukat Edward Debono baqa’ ma ġab l-ebda prova ta’ dak li qal.
Sadanittant fil-blog tiegħu, l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt sostna li meta wieħed iħalli lil Franco Debono fil-partit, se jkun qed iġib miegħu instabbiltà, egomania u anke xi ħadd li mhux kapaċi jaħdem f’tim u xi ħadd mhux prevedibbli.