L-establishment tal-Partit Nazzjonalista ammetta li l-Kap attwali Nazzjonalista huwa mmexxi minn imnieħru minkejja li jipprova juri mod ieħor.
Dan is-sentiment ħareġ biċ-ċar wara tlett ijiem ta’ żviluppi xokkanti fil-Partit Nazzjonalista li kixfu kemm verament għadhom jiddominaw il-fazzjonijiiet f’Tal-Pietà.
F’artiklu fuq il-blog ta’ Manuel Delia, minn opinjonista li ismu ma jissemmiex jingħad kif l-aħħar żviluppi jxejnu d-dikjarazzjoni ta’ Grech innifsu – “Ħadd ma jmexxini minn imnieħri.”
L-opinjonista, b’kitba konvenjentament simili ħafna tal-eks Chief of Staff tal-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt, ikompli jniggeż lil Bernard Grech li huwa jibża’ minn Adrian Delia u niesu u kien għalhekk li huwa evita milli jkeċċih mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt hawnhekk l-opinjonista jibqa’ jaħli fuq Bernard Grech u jgħidlu kif l-unika xewqa tiegħu hija li jġib aktar voti mill-eks Kap Simon Busuttil.
L-artiklu kompla juri kif Bernard Grech, billi ma keċċiex lil Delia u ma pproteġiex lil Jason Azzopardi, issa tilef il-kontroll taż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra l-opinjonist jiżvela kif Bernard Grech dejqitu ferm l-intervista riċenti tal-eks Kap Simon Busuttil fuq l-istazzjon nazzjonali.
Fil-fatt l-iskumdità ta’ Bernard Grech dwar dan kienet ħarġet biċ-ċar fl-istess intervista.
Dan ma kienx l-uniku artiklu li jixhed il-gwerra bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista u n-nuqqas ta’ kontroll li għandu Bernard Grech fuqhom.
Fl-aħħar jiem Manuel Delia nnifsu tefa’ kemm felaħ pressjoni fuq Bernard Grech sabiex jaqbeż għal Jason Azzopardi u jkeċċi lil Adrian Delia. Fil-fatt, il-Ħamis filgħaxija f’artiklu estensiv, irreaġixxa b’qawwa għar-rebħa ta’ Delia fuq Jason Azzopardi u l-bqija tal-establishment.
Bħalu kien hemm Godfrey Leone Ganado, esponent ieħor mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li ddefenda u wera s-solidarjetà ma’ Jason Azzopardi.