Bi pjaċir, l-Esplora jħabbar it-tnedija ta’ esebit ġdid tat-3D Printing li tqiegħed fis-Sala
tat-Teknoloġija Innovattiva. Din l-esebizzjoni hija xhieda tal-impenn tal-Esplora li
jintegra teknoloġiji avvanzati ma’ programmi edukattivi.
Din l-installazzjoni ta’ printers Prusa Mini li hija frott ta’ sħubija bejn Invent 3D Ltd u
l-Esplora li se tipprovdi lill-viżitaturi b’opportunità unika li jaraw il-proċess tat-3D
printing fl-azzjoni. Dan l-esebit tfassal biex jispira l-kreattività u jkompli jqanqal
interess fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija.
Filwaqt li jenfasizza s-sostenibbiltà, l-esebit se jkun qed juża l-filament PLA magħmul
minn materjal li minbarra li hu riċiklat, huwa magħmul minnn sorsi ta’ pjanti rinovabbli
bħal qamħirrun jew il-kannamieli. Dan juri d-dedikazzjoni tal-Esplora li dejjem u fejn
ikun possibli, jirrikorri għal prassi li ma tkunx ta’ ħsara lill-ambjent.
Dan il-mod ħolistiku li jlaqqa’ l-amalgamazzjoni tat-teknoloġija, is-sostenibbiltà u
l-edukazzjoni, għandu l-għan li jgħammar lill-istudenti żgħażagħ b’ħiliet essenzjali
għall-futur.
Preżenti għal din l-attività kien hemm is-CEO ta’ Xjenza Malta, s-Sur Silvio Scerri, il-Kap
tal-Esplora Olaf McKay; Rebecca Buttigieg, Kap tal-iSTEM Engagement fl-Esplora; u
David Sciberras, Kap Eżekuttiv ta’ Invent 3D. Huma lkoll saħqu dwar is-sinifikat ta’ din
l-inizjattiva fit-trawwim tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà.
Il- Kap tal-Esplora, Olaf Mc Kay appella “Inħeġġu lill-viżitaturi tagħna biex jesploraw
dan l-esebit, jistaqsu mistoqsijiet dwar kif jaħdem, u joħolqu permezz
tal-immaġinazzjoni tagħhom. Dan l-esebit tfassal biex il-viżitaturi tagħna jieħdu
magħhom id-dar mhux biss l-għarfien ġdid, imma wkoll xrara ta’ ispirazzjoni biex
joħloqu u jinnovaw”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Invent 3D David Sciberras qal li : “Dan l-esebit ta’ 3D Printers mhux
se jservi biss biex tintwera din it-teknoloġija meraviljuża, imma wkoll biex titqajjem
kuxjenza fost l-intraprendituri li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom. David
jemmen li “Din iż-żerriegħa ta’ innovazzjoni għandha tinżera sa minn età żgħira u
permezz ta’ Invent 3D se nibqa’ nirsisti biex inrawwem u inkabbar dan l-approċċ
ħolisitiku.”
Ingħaqad magħna l-Esplora biex tiskopri kif teknoloġiji innovattivi jistgħu jsawru
mill-ġdid il-mod kif nitgħallmu u noħolqu!