Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, se jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal. Dan se jagħmlu billi jipprovdi opportunità lill-istudenti u l-pubbliku biex jiltaqgħu ma’ riċerkaturi li qed jaħdmu fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika – magħrufa bħala STEM – u b’hekk ikomplu jsaħħu l-għarfien tagħhom dwar dawn is-suġġetti.
Dan ħareġ ċar waqt żjara li għamlu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, li ltaqgħu ma’ studenti mill-iskejjel tal-gvern li kienu fuq żjara fl-Esplora.
Tħabbar li, fi tmiem din il-ġimgħa, tfal akkumpanjati minn adult se jkollhom dħul xejn fl-Esplora biex tiġi ċċelebrata r-riċerka fil-Jum Dinji tat-Tfal.
Dwar dan tkellimna ma’ Clayton Cutajar, li huwa d-Direttur tal-Esplora.
Huwa spjega x’jinvolvu l-attivitajiet u l-attrazzjonijiet fl-Esplora li se jkunu disponibbli għat-tfal f’dan it-tmiem il-ġimgħa.
“Qed inġibu ħafna riċerkaturi minn NGOs, entitajiet pubbliċi, u entitajiet privati biex il-familji u t-tfal ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ professjonisti fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika, u jkunu jistgħu jaraw riċerka li qed issir lokali u fl-istess ħin ikunu jistgħu jagħmlu ħafna attivitajiet għax għandna ħafna affarijiet hands-on biex dejjem inqarrbuhom qrib is-suġġetti tax-xjenza.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li din hija opportunità importanti li tixpruna żieda fl-esperjenza tal-istudenti, partikolarment f’oqsma relatati mas-suġġetti tal-iSTEM.
“L-istudenti jiġu u jammiraw ix-xogħol kbir u l-kapaċità tax-xjentisti tagħna u tan-nies li jaħdmu f’dan is-settur importanti u, għaliex le, inħajru dejjem aktar lit-tfal tagħna sabiex jieħdu bis-serjetà dawn is-suġġetti: suġġetti li jagħtu opportunitajiet importanti ħafna kemm lill-individwu partikolari imma anke lil pajjiżna fuq skala nazzjonali.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li fl-okkażjoni tal-jum iddedikat lit-tfal, qed jinfetħu l-bibien sabiex it-tfal jieħdu gost f’ċentru xjentifiku bħall-Esplora, filwaqt li jedukaw ruħhom bl-attivitajiet imħejjija għalihom.
“Qed naraw u assistejna għal numru ta’ attivitajiet flimkien ma’ riċerkaturi fejn prattikament qed inħeġġu lit-tfal tagħna jagħżlu s-suġġetti marbuta max-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, u l-Matematika, fejn mhux biss jieħdu pjaċir bil-logħob iżda anke jitgħallmu bihom.”
L-offerta biex tfal akkumpanjati minn adult li jħallas jidħlu b’xejn hija valida għat-tfal ta’ bejn tliet snin u ħmistax-il sena nhar is-Sibt 19 u l-Ħadd 20 ta’ Novembru mill-10am sal-5pm.