Dan il-Milied, l-Esplora se jittrasforma ruħu fil-fabbrika STEM ta’ Santa Klaws fejn se jkun hemm varjetà meraviljuża ta’ shows interattivi, workshops hands-on kif ukoll wirjiet interessanti relatati max-xjenza u li se jkunu addattati għall-viżitaturi ta’ kull età.
Matul dan il-perjodu l-viżitaturi huma mistiedna jattendu l-Esplora biex fl-ispirtu tal-festi, jidħlu fid-dinja affaxxinanti tas-suġġetti STEM.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal li dan l-avveniment hu eżempju ċar tal-impenn li jiġi żgurat li t-tfal u żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jesploraw, jesperimentaw u jitgħallmu f’ambjent li jqanqal il-kurżità u l-potenzjal tagħhom.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi biex jiskopri l-maġija assoċjata ma’ dawn il-ġranet ta’ festi billi josserva l-Milied mil-lenti tal-innovazzjoni u t-teknoloġija. Kull min jattendi dan l-avveniment se jiskopri xi rwol għandha x-xjenza u kif din taffettwa diversi aspetti tal-Milied – mill-ikel staġjonali għall-meravilja tar-robotika u t-teknoloġija spazjali, fost oħrajn.
Il-Kap tal-Esplora, Olaf McKay, tenna li din hi esperjenza unika għall-pubbliku u jittama li jqarrbu l-familji flimkien biex joħolqu memorji dejjiema, filwaqt li jifhmu aħjar il-versatilità u l-importanza tax-xjenza u s-suġġetti STEM li huma l-qofol ta’ dan iċ-Ċentru.
L-avveniment se jkun qed jittella’ bejn il-21 ta’ Diċembru u l-31 ta’ Diċembru, bil-25 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar esklużi. Il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu bejn l-għaxra ta’ filgħodu u s-sebgħa ta’ filgħaxija.
Aktar informazzjoni tinstab fuq is-sit uffiċjali esplora.org.mt.