Iċ-Ċentru Interattiv ta’ Xjenza Malta, l-Esplora rebaħ tliet rikonoxximenti ewlenin fl-ewwel edizzjoni tal-Malta Tourism Awards ta’ din is-sena.
Dawn ir-rikonoxximenti juru l-impenn tal-aġenzija fuq it-turiżmu sostenibbli, l-innovazzjoni u l-iżvilupp professjonali li jiġbed eluf ta’ turisti lejh ta’ kull sena.
Is-suċċess ta’ Xjenza Malta, bl-għajnuna tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jenfassizza wkoll l-għanijiet nazzjonali tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fit-turiżmu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri saħaq li l-aġenzija tinsab tassew onorata għal dan ir-rikonoxximent filwaqt li l-missjoni tagħha kienet dejjem li tqarrab ix-xjenza viċin in-nies b’mod divertenti.
Preżenti għaċ-ċerimonja wkoll kien hemm id-Direttur ta’ Esplora, James Catania fejn wera l-apprezzament tiegħu lejn dawn ir-rikonoxximenti.
Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Esplora, immexxi minn Xjenza Malta, huwa wieħed mid-destinazzjonijiet kulturali u edukattivi ewlenin f’pajjiżna. Dan billi tikkombina esebiti prattiċi, u esperjenzi immersivi, Esplora tkompli tispira eluf ta’ viżitaturi kull sena, minn familji u skejjel sa mistednin internazzjonali, bħala xempju ta’ tagħlim informali u innovazzjoni.