Iċ-ċentru interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, ħabbar il-programm ‘Journey to Space’, li se jkun miftuħ sas-16 ta’ April.
Il-programm qed joffri lill-viżitaturi esperjenza extraterrestri, wara li ċ-ċentru ġie mżejjen b’oġġetti spazjali bħal astronawti, rovers lunari, satelliti, u ħafna aktar. Apparti mit-tiżjin, il-viżitaturi se jkollhom ċans li jinteraġixxu mal-eżebizzjonijiet kif ukoll l-opportunità li jiltaqgħu ma’ numru ta’ riċerkaturi lokali sabiex jaqtgħu l-kurżità xjentifika tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li l-għan ewlieni tal-avveniment hu li studenti u adulti jkunu jistgħu jiksbu għarfien fuq ix-xjenza spazjali. Huwa kompla jgħid li l-opportunitajiet edukattivi għandhom ikunu pedament għall-istudenti minn età żgħira, sabiex ninkoraġġuhom u ngħinuhom javvanzaw f’karriera xjentifika. Għalhekk, il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti f’dan il-qasam.
Huwa akkar fil-fażi tat-tfassil tal-liġi ġdida dwar l-attivitajiet spazjali, li se titressaq il-Parlament fix-xhur li ġejjin.
Hawn is-Segretarju Parlamentari qal li, “L-opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna huma kbar ħafna u, għaldaqstant, minn età żgħira, il-Gvern huwa inpenjat li jinvesti fis-setturi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika ”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Tonio Portughese, qal li l-intenzjoni tal-Kunsill b’inizjattivi bħal dawn hija li jinħolqu memorji pożittivi dejjiema għall-familji, filwaqt li jiġu esposti għad-dinja tax-xjenzi spazjali. Barra minn hekk, jitħeġġeġ l-interess tagħhom fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika, magħrufin flimkien bit-terminu STEM.
Il-Kap tal-Esplora, Olaf Mckay, stqarr li qed isiru l-isforzi kollha biex ix-xjenza tkun divertenti u b’hekk jikber l-għarfien u jintlaħaq l-għan aħħari li tinħoloq kultura ta’ kurżità xjentifika u ta’ kreattività.
Il-Kap tal-Esplora spjega li, “Attivitajiet bħal coding sempliċi, fejn il-familji jistgħu jħaddmu robot, u shows interattivi relatati ma’ dan il-qasam. Il-viżjoni tal-Esplora hija waħda ċara, fejn se nressqu x-xjenza u t-teknoloġija aktar viċin il-komunità.”