Fi stqarrija maħruġa fi tmiem iż-żjara annwali tagħhom f’pajjiżna, l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali taw ċertifikat pożittiv ieħor lil pajjiżna. Dan hu t-tielet rapport pożittiv li sar fuq pajjiżna f’ġimgħa waħda biss, wara r-rating report ta’ Moody’s u t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea.
L-esperti tal-IMF isostnu li, “Malta has enjoyed very rapid economic growth in recent years”. Skont l-IMF, “prudent fiscal policy and timely structural reforms have helped boost employment and build fiscal buffers while promoting social cohesion”. Dan ifisser li, skont l-esperti internazzjonali, il-politika mħaddna mill-gvern mhux talli kabbret l-ekonomija u saħħet il-finanzi pubbliċi, imma wasslet għal tisħiħ soċjali.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni qed issostni li pajjiżna jinsab f’riċessjoni, l-IMF tinnota, “strong performance”, tant li t-tkabbir hu, “above its long-term average”, u tbassar li r-rata ta’ tkabbir se tkompli tkun sostnuta bis-saħħa tad-domanda domestika li se tibqa’ ferm sostanzjali. Dan mistenni jseħħ minkejja klima ta’ inċertezza fis-swieq globali.
Ir-rapport jinnota li, “a fourth consecutive year of fiscal surplus is expected for 2019, and the structural balance is estimated to continue exceeding the government’s medium-term objective”. B’hekk, l-esperti internazzjonali jikkonfermaw li anke s-sena li għaddiet il-gvern qabeż il-miri fiskali li kellu.
Dan mistenni jwassal biex id-dejn jinżel taħt il-45% tal-ġid nazzjonali, iġifieri kważi nofs il-piż li kien hemm fil-bidu tal-2013. Filwaqt li faħħru l-qagħda fiskali tal-gvern, l-esperti tal-IMF irrimarkaw li, “support for social inclusion should continue through well-targeted measures”. L-IMF sostniet ukoll dwar il-bżonn li l-gvern ikompli bil-proġetti ta’ investiment infrastrutturali.
L-esperti internazzjonali faħħru l-miżuri li qed iwasslu biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li nnutaw li bidliet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom il-potenzjal biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema.
Filwaqt li jilqa’ dan it-tielet rapport pożittiv f’inqas minn ġimgħa, il-gvern itenni r-rieda li jkompli jwettaq il-programm komprensiv tiegħu ta’ tisħiħ ekonomiku, istituzzjonali u soċjali.