L-esperti fl-inkjesta dwar l-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella tħallsu iżjed minn miljun u tliet mitt elf ewro biex jerġgħu jduru r-rapport tagħhom stess.
Dan joħroġ minn informazzjoni li għandu f’idejh ONE News dwar l-ispejjeż esaġerati inkorporati fl-inkjesta kontroversjali, li ħadet mal-ħames snin biex tlestiet u swiet b’kollox aktar minn €11-il miljun.
Il-Ġimgħa wkoll ġie żvelat minna li kien hemm abbużi u tbażwir fl-irċevuti dubjużi mill-kumpanija ta’ Jeremy Harbinson li xorta waħda ġew approvati mill-Maġistrat biex jitħallsu. Dan anke bi ksur tar-regolamenti tal-procurement.
Issa jirriżulta li, meta fl-aħħar ta’ Ġunju tal-2023 Harbinson ikkonkluda r-rapport finali, kif ikkonferma hu stess, intalbet estensjoni li ħadet madwar sena sa April tal-2024.
F’dan il-perjodu, l-esperti sħabu talbu aktar żmien biex ikunu jistgħu jduru l-iżbalji fil-linġwagg użat u biex ikunu jistgħu jqabblu partijiet differenti mid-dokument.
Proċess li waħdu sewa €1.3 miljun mill-€11-il miljun u Harbinson, li qal li suppost kellu jirtira dak iż-żmien, kompla wkoll jgħin fih.
Fi kliem ieħor, komplew jabbużaw minn fuq dahar il-poplu Malti, bl-iskuża biex iduru r-rapport tagħhom stess għall-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, waqt li ġew ippreżentati iżjed rċevuti vagi li ma jindikawx eżatt ix-xogħol li sar.
Fl-għaxar xhur inkwistjoni, Jeremy Harbinson irrapporta li hu u 16 mill-esperti ħadmu mas-7,300 siegħa oħra, bi ħlas €182 kull siegħa.
Biex, imbagħad, ippreżentaw ir-rapport lill-Maġistrat inkwirenti lejn l-aħħar ta’ April, ġimgħat biss bogħod mill-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
Dan kollu sar biex, kif anke stqarr Harbinson stess, l-esperti ħejjew u ppreżentaw rapport li kellu jibqa’ kunfidenzjali għand il-Maġistrata.
Bejn l-2017 u Mejju tal-2024, il-kumpanija ta’ Harbinson waħedha kienet ħadet aktar minn €18-il miljun bħala espert tal-Qorti, fil-maġġoranza għall-inkjesta tal-isptarijiet, anke jekk instab li din ma kienet marbuta bl-ebda kuntratt.