Mindu sirna membru tal-Kunsill tal-Ewropa fl-1965, pajjiżna kellu jadotta l-istess linji-gwida tiegħu dwar ir-rwol tal-esperti li jiġu maħtura mill-Qorti fi proċessi ġudizzjarji, li japplikaw għall-pajjiżi kollha. Linji-gwida li huma ċari ħafna.
Xi ħaġa li jirriżulta, b’mod ċar, li nkisret fl-inkjesta tal-isptarijiet fejn tali esperti tqabbdu mill-Maġistrat Gabriella Vella, fuq il-parir tal-espert ewlieni, l-Irlandiż Jeremy Harbinson.
Il-Kunsill tal-Ewropa jisħaq li l-esperti jridu jkunu kkwalifikati u jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa speċjalment f’każi simili għal dak li jitqabbdu għalih, apparti li jridu jkunu imparzjali personalment u anke jispeċifikaw eżatt xi jkunu kkontribwew għar-rapport.
Minbarra hekk, kif titlob is-serjetà, it-trasparenza u l-ġustizzja, l-esperti jridu jkunu lesti u kapaċi jirrispondu dwar xogħolhom fil-Qorti.
Bil-maqlub tal-impressjoni li pprova jagħti sal-lum il-ġurnata Harbinson, li saħansitra ddikjara li m’għandu l-ebda obbligu li jagħmel dan.
Fl-inkjesta tal-isptarijiet, li għaliha tħallas iżjed minn ħdax-il miljun ewro, Jeremy Harbinson, waqt li kien qed jixhed b’video conferencing quddiem l-Imħallef Edwina Grima fit-28 t’Ottubru tas-sena l-oħra, qal taħt ġurament li l-esperti li għażilhom hu u ssuġġerihom lill-maġistrat inkwirenti, li min-naħa tagħha ħatrithom.
Ħalef ukoll li għażel lil min kien jaf hu, waqt li dawk li ħadmu miegħu għażlu xi oħrajn u ssuġġerewhom lilu wkoll.
Fid-dawl ta’ dan, minn dak li qal Harbinson qabel iddeċieda li ma jixhidx aktar, hu ċar li l-ħatra tal-esperti kienet ibbażata fuq ħbiberiji u priniċpju ta’ skont min jaf lil min.
Dan jindika li l-valuri tat-trasparenza u l-imparzjalità fil-Qorti ġew imwarrbin għal kollox u, minħabba tali proċess irregolari fl-għażla tal-esperti, spiċċaw jinħatru anke persuni li ma kellhomx kwalifiki u esperjenza meħtieġa, kellhom konflitt ta’ interess kbir u ma kinux imparzjali.
Ħaġa waħda hi żgur, li kieku din il-ħatra saret kif suppost, jiġifieri skont –il-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa, mill-inqas erbatax-il espert ma kinux jikkwalifikaw għax-xogħol li tqabbdu jagħmlu.
Xi ħaġa li, s’issa, ħadd minn dawk li jipprietkaw dwar is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba għadhom ma tkellmux dwarha.
Aqra Aktar: