L-espert tal-Qorti Martin Bajada se jibqa’ assenjat bl-Inkjesta Maġisterjali u anke l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Dan wara li lura f’Marzu li għadda, l-avuat difensur ta’ wieħed mit-tliet akkużati f’dan il-każ argumenta li l-irwol li ngħata Bajada f’dan il-każ jikser id-dritt fundamentali tal-klijent tiegħu. L-avukati ta’ Alfred Degiorgio lmentaw ukoll għall-fatt li esperti barranin kienu qed jaħdmu id f’id ma’ Bajada fil-kumpilazzjoni dwar il-każ.
Martin Bajada huwa espert fit-teknoloġija tal-informatika u fit-telefonija li ilu snin twal igawdi l-fiduċja tal-qasam ġudizzjarju Malti.
L-Imħallef Silvio Meli spjega li l-appuntament ta’ Bajda mhu ta’ ebda theddida għad-drittijiet ta’ Degiorgio, u għalhekk Bajada se jibqa’ l-espert assenjat bil-każ. Huwa kien inħatar l-għada tal-qtil tal-blogger, u informazzjoni li hu ressaq wasslet għall-arrest ta’ mhux anqas minn għaxar persuni, u biex konsegwentament, l-aħwa Degiorgio, u Vince Muscat, jitressqu l-Qorti b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.