L-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, l-Irlandiż Jeremy Harbinson issa ddikjara li qatt mhu se jiġi lura Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti fuq il-bażi tar-rapport li, fi kliemu stess, hu kkordina x-xogħol kollu fuqu.
Dan joħroġ minn affidavit datat it-Tnejn 10 ta’ Frar, li ppreżenta fil-Qorti l-istess Harbinson, li tħallas €11-il miljun għal dan ir-rapport.
Harbinson iddikjara li r-rapport li ħejjew hu u l-esperti tiegħu qatt ma semma akkużi kriminali u freezing orders u żied li, fuq din il-bażi, hu m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li wasslet l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta, li issa l-espert Irlandiż ma jridx ikollu x’jaqam aktar miegħu, inħarġu sensiela ta’ akkużi mill-aktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna, fost l-oħrajn.
L-espert Irlandiż qal li, f’Lulju tal-2024, sar kuntatt miegħu biex jassisti fil-proċeduri kriminali li kienu nbdew, iżda hu wieġeb li ma kienx disponibbli biex ikun involut aktar.
Harbinson saħaq li hu ma kellu ebda obbligu kuntrattwali biex jipprovdi aktar assistenza. Żied li, matul l-inkjesta, ħadd ma indikalu li wara li kien se jintemm il-kuntratt li kellhom hu u l-esperti barranin l-oħrajn, kienu se jintalbu biex jipprovdu s-servizz tagħhom mingħajr ħlas. Dan kien ikun inaċċettabbli.
Harbinson qal li r-rapport tal-isptarijiet kellu jkun lest f’Ġunju tal-2023 u l-pjan tiegħu kien li jirtira f’dak ix-xahar.
Fi kliemu, iżda, it-tim ta’ esperti li ħadem fuq l-inkjesta kellu bżonn ta’ aktar żmien. Harbinson jgħid li hu baqa’ disponibbli matul il-perjodu ta’ wara Ġunju 2023.
Meta r-rapport tlesta f’April 2024 u l-inkjesta ngħalqet ix-xahar ta’ wara, hu ċeda l-licenzja ta’ accountant forensiku u beda l-proċess biex ixolji l-kumpanija Harbinson Forensics.
Fl-affidavit, Harbinson jgħid ukoll li r-rapport, li hu u l-esperti li kellu miegħu ħadmu fuqu, kien maħsub biss biex jintuża fl-inkjesta. Saħaq li mill-esperjenza hu kien jistenna li jintalab permess biex ir-rapport tagħhom jintuża għal skopijiet oħrajn, iżda skontu dan qatt ma ntalab.
L-Irlandiż saħaq li kien jistenna li, jekk mill-inkjesta kien se jirriżulta li kien hemm il-ħtieġa li jinbdew proċeduri kriminali, il-Pulizija u l-prosekuturi f’Malta kellhom jikkonsultaw lill-esperti barranin u għal dan ix-xoghol kienu jitfasslu kuntratti kummerċjali ġodda magħhom. Bil-għan ikun, kompla l-espert Irlandiż, li jsiru rapporti ġodda fuq il-persuni akkużati. Dan anke jekk l-inkjesta xorta damet għaddejja ħames snin sħaħ.
Fl-affidavit, imbagħad, Harbinson semma żewġ raġunijiet li, minħabba fihom, ma jridx ikun involut fil-proċeduri li għaddejjin.
L-ewwel raġuni tkun dik li qal li qatt mhu se jiġi lura Malta, għax qed jibża’ għas-sigurtà tiegħu.
Imbagħad qal li l-pressjoni li qed issirlu minn Malta biex ikun involut fil-proċeduri qed jaffettwaw ħażin is-saħħa mentali tiegħu u ta’ martu, tant li skontu kellhom bżonn ħafna konsulti mediċi fl-aħħar ġimgħat.
Dwar dan ikkummenta wkoll l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono fejn fakkar kemm kien għaqli li, fl-2011, ippropona, fost l-oħrajn, li jinbidel il-mod kif jinħatru l-inkjesti.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, tenna li dakinhar kien semma fil-mozzjoni privata tiegħu kif “għandha tiġi riveduta l-proċedura tal-eliġibbiltà u ħatra tal-esperti kif ukoll l-introduzzjoni tal-possibbiltà tal-produzzjoni ta’ esperti ex parte, għax il-mod kif jinħatru l-esperti hu diżastru.