Wara li ġimgħa ilu ġie ordnat biex jindika data meta jkun jista’ jidher quddiem il-Qorti biex jixhed fiżikament, l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, Jeremy Harbinson, baqa’ jinsisti li ma jagħmilx dan, skont nota li ppreżenta, f’ismu, l-Avukat tal-establishment Peter Fenech tlett ijiem ilu.
Il-Maġistrat Rachel Montebello, li qed tippresiedi fuq kawża li tinkludi lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, nhar l-Erbgħa ma kinitx aċċettat talba biex Harbinson jixhed permezz ta’ video-conferencing u tat digriet biex, fi żmien jumejn, l-Irlandiż jiddeċiedi jekk jixhidx fis-seduta li jmiss, skedata għat-Tlieta din il-ġimgħa, jew xi data oħra.
Fin-nota ppreżentata mill-avukat tiegħu, Harbinson, li kien responsabbli fuq l-esperti l-oħrajn kollha fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, baqa’ jinsisti li ma jistax jattendi b’mod personali, għax il-mara ma tiflaħx, waqt li enfasizza li meta jsir kuntatt virtwali, għandu jkun hemm esperti oħrajn fl-istess seduta.
U dan, għax, skontu, l-ebda espert mhu kapaċi jwieġeb għal dak li fih ir-rapport konklussiv, li spiċċa jiswa mal-€11-il miljun, anke jekk fl-istess ħin jammetti li kien responsabbli mill-kordinazzjoni tal-investigazzjonijiet li saru.
L-espert Irlandiż, li fil-Qorti wkoll ġie akkużat b’konflitt ta’ interess waqt li kien imqabbad fl-inkjesta, attwalment qed ixolji l-kumpanija tiegħu, Harbinson Forensics.
Rapport fil-ħarġa tal-Ħadd tal-gazzetta It-Torċa qal li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma jafx fejn jinstab l-Irlandiż.