L-Irlandiż Jeremy Harbinson, li kien l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella u kkordina l-esperti l-oħrajn biex tħejja r-rapport finali li fuqu tressqu numru ta’ persuni l-Qorti, inklużi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, fost l-oħrajn, ammetta li l-każ ta’ mard tal-mara tiegħu mhuwiex wieħed serju.
Harbinson kien qal li ma setax jiġi jixhed Malta fil-kawżi tal-isptarijiet, kif kien ordnat mill-Qorti l-ġimgħa l-oħra, minħabba li l-mara tiegħu hi marida.
Meta kompliet waħda mis-seduti tal-isptarijiet it-Tlieta li għadda, hu ġie ordnat mill-Maġistrat Rachel Montebello jippreżenta d-dokumenti li jissostanzjaw dak li qed jgħid.
Iżda f’nota oħra ppreżentata l-Erbgħa mill-Avukat tiegħu Peter Fenech, li hu wkoll il-President tal-Kamra tal-Avukati, Harbinson iddikjara li ġie informat mit-tobba li l-każ ta’ martu mhuwiex wieħed ta’ emerġenza u ntalab imur għand tabib tal-familja fejn, skontu, irid jistenna madwar xahar u nofs għall-appuntament.
Għaldaqstant talab li l-Qorti Maltija tagħtih aktar żmien biex jippreżenta ċ-ċertifikati mitluba.