L-espert ewlieni fl-inkjesta tal-isptarijiet, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, ta r-raġunijiet fl-affidavit tiegħu għalxiex mhux biħsiebu jiġi jixhed fil-kawżi bbażati fuq l-istess rapport li kien responsabbli minnu wara li tqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-ġimgħa li għaddiet l-istess Harbinson ġie mċanfar mill-Qorti biex jippreżenta kopja sura tal-affidavit, waqt li l-Maġistrat Edwina Grima rrimarkat li fih l-espert qal “ħafna affarijiet żbaljati”.
Dan waqt li kien diġà stabbilit li l-kawżi relatati miftuħin kontra għadd ta’ kumpaniji u persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-eks Ministru Edward Scicluna, fost l-oħrajn, b’ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi tagħhom, qatt ma setgħu jissoktaw jekk l-ewwel ma jsirx il-kontro-eżami ta’ Harbinson mill-avukati tad-difiża.
Issa fl-affidavit tiegħu, datat 10 ta’ Frar li għadda, Harbinson ta 15-il “raġuni” għar-rifjut tiegħu biex akkost ta’ kollox ma jixhidx fl-istess kawżi li rriżultaw wara t-tmiem tal-inkjesti.
Minbarra dawk li diġà ssemmew, fosthom li issa rtirat, li ċeda l-liċenzja tiegħu bħala accountant forensiku u li martu hi marida, Harbinson qal li r-rapport tiegħu kellu jinżamm kunfidenzjali mill-Maġistrat Gabriella Vella u din qatt ma kellha tgħaddih għand xi ħadd.
Iżjed minn hekk, saħaq li, kemm-il darba kellu jintuża xi ħaġa minnu, allura kien meħtieġ il-permess tiegħu u jikkwota dikjarazzjoni li tgħid dan minnu.

Enfasizza li l-esperti maħtura tħallsu għal dak li għamlu u kull xogħol ieħor fi proċeduri kriminali ma kienx kopert u, f’dak il-każ, kellu jsir kuntratt ieħor. Minbarra hekk, qal li ddeċieda li ma jikkopera bl-ebda mod, lanqas b’mod virtwali, fil-kawżi inkwistjoni. Lanqas biss irid li xi ħadd ikellmu dwar dan.
Dan anke jekk il-kumpanija tiegħu, Harbinson Forensics Limited, tħallset mal-€11-il miljun.
Ma’ dan reġa’ tenna li r-rapport tiegħu qatt ma rrakkomanda li jinħarġu xi akkużi jew freezing orders fil-konfront ta’ xi persuna.